Talenti li juru l-fiduċja ta’Alla fina


Il-Ħadd, 15 ta’ Novembru 2020: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa tat-33 Ħadd tas-Sena. Parroċċa tal-Lunzjata, Balzan.

Talenti li juru l-fiduċja ta’Alla fina

Alla għandu fiduċja fina, f’kull wieħed u waħda minna. Dan hu messaġġ importanti li jwassal Ġesù llum bil-parabbola, li tagħmlilna stedina biex aħna lkoll niskopru t-talenti li Alla qiegħed fina. Niskopruhom u nħaddmuhom skont il-missjoni li Alla tana. Għalhekk Ġesù jsemmi fil-parabbola dawn it-tliet qaddeja li s-sid tahom talenti, b’mod differenti, kulħadd skont il-ħila tiegħu: lil wieħed tah ħamsa, lill-ieħor tnejn, u lill-ieħor wieħed. U s-sid ippremja lil dawk li ħaddmu t-talenti, imma kkastiga lil dak li t-talent ħbieh u ma ħaddmux.

Ha nsemmi tliet punti li huma ta’ messaġġ importanti għal ħajjitna llum, li tagħtina din il-parabbola:

Alla jqassam id-doni lil kulħadd

Għax Alla għandu fiduċja fina, lil kull wieħed u waħda minna jagħtina d-doni tiegħu. Mhux l-istess, għax Alla jaf kif iqassam, imma jagħti d-doni tiegħu lil kulħadd. Kultant tisma’ min jgħid, b’sens ta’ inferjorità, “jien m’jien tajjeb għal xejn”. Mhux veru. Hu żball li wieħed jaħseb hekk. Alla lil kulħadd ta t-talenti b’xi mod jew ieħor. Hu żball li tarmi lilek innifsek. Alla ma jridx li aħna narmu lilna nfusna. U lanqas irid – dan hu żball ieħor li kultant isir – li aħna nqabblu lilna nfusna mal-oħrajn; li nħarsu lejn l-oħrajn u ngħidu: Ara dik kemm tinqala’! Ara dak kemm hu tajjeb! Inqabblu lilna nfusna, u ngħixu l-ħajja ta’ ħaddieħor flok il-ħajja tagħna.

Alla jrid li aħna niskopru t-talenti li tana ħalli nistgħu tassew inħaddmuhom u niżviluppawhom. Nafu li hemm ħafna talenti sbieħ: min jaf jgħallem, min jaf jagħti kura personali b’attenzjoni, min jaf idoqq u jkanta – aħna jkollna l-grazzja fil-quddiesa li jkollna min iħaddem dawn it-talenti – min jinqala’ għall-isport; hemm ħafna talenti. Alla jrid li aħna niskopru t-talenti tagħna u nħaddmuhom u niżviluppawhom.

Talenti għall-ġid tal-oħrajn

Alla jrid li aħna niżviluppaw it-talenti tagħna mhux biss għalina nfusna imma wkoll għall-oħrajn. Dak hu s-sens ta’ meta jgħid li tħaddem it-talenti. Jekk int id-doni li tak Alla tużahom b’mod egoistiku, hemm tkun qisek qed tħaffer ħofra u tqiegħed it-talenti hemm. Imma meta int tuża t-talent tiegħek għall-ġid tal-oħrajn, hemm jikseb l-iskop tiegħu t-talent li tak. Li tana Alla mhuwiex biex aħna nitkabbru, nintefħu, niftu lill-oħrajn. Mhuwiex għalhekk. Mhuwiex biex nidhru tajbin aħna u ħaddieħor jidher inqas. Mhux għalhekk. Imma hu biex nużaw dak li Alla tana għall-ġid tal-oħrajn.

Nindunaw li meta aħna nużaw it-talenti tagħna għall-ġid tal-oħrajn, inkunu qed ngħinu lill-oħrajn jiskopru t-talenti tagħhom. Hekk tkun sabiħa l-komunità. Taraha ħafna fil-komunità parrokkjali, li meta jkun hemm nies differenti qed jaqdu bit-talenti tagħhom u jagħtu s-servizz, jgħinu biex tkun komunità fejn jistgħu jiffjorixxu t-talenti. Dak hu l-iskop ta’ dak li jgħid Ġesù li int tħaddem it-talenti tiegħek.

Talenti jibqgħu doni ta’ Alla

It-talenti huma don ta’ Alla. Alla fdahomlna biex niżviluppawhom. Meta aħna nżommu f’moħħna li t-talenti ġejjin minn Alla, allura ngħixu dejjem bi gratitudni lejh, qalbna grata għal dak li Alla tana, u nagħmlu kollox għall-glorja tiegħu. Minnu ġejjin dawn id-doni u għalhekk nużawhom għall-glorja tiegħu. Xi mument, meta Alla jsejħilna, se jistaqsina kif użajna t-talenti li tana. Iktar ma aħna llum nużawhom għall-ġid, isbaħ ikun il-mument meta nistgħu nroddulu lura dak li hu tana. Iktar ma llum naħdmu għall-glorja tiegħu, isbaħ ikun il-mument meta nistgħu nagħtuh it-talenti li hu tana żviluppati, għax ġejjin mingħandu u allura aħna nagħtuhom lura lilu li minnu jiġina kull ġid.

Nitolbu llum lil Alla li aħna dejjem niskopru t-talenti li hu tana, li niżviluppawhom u nħaddmuhom għall-ġid tal-oħrajn u dejjem għall-glorja tiegħu. Hekk ikollna dak il-ferħ li semma Ġesù fil-parabbola meta qal lill-qaddejja fidili: “Idħol fil-hena ta’ sidek”. Nitolbuh li aħna jkollna dak il-ferħ tal-fedeltà li nuru meta nħaddmu tassew id-doni li Alla tana.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.