Mulej, agħtina d-dawl


It-Tnejn, 16 ta’ Novembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Mulej, agħtina d-dawl

L-istorja tal-għama li kien bilqiegħda mal-ġenb tat-triq ftit ’il bogħod minn Ġeriko hi storja sabiħa ħafna li nsibu fl-Evanġelju skont San Luqa u hi ta’ għajnuna għal ħajjitna. Nixtieq li nħarsu lejn l-għama, lejn il-folla tan-nies, u lejn Ġesù, u naraw x’jgħallmuna għal ħajjitna.

Ħa nħarsu lejn dan il-bniedem għama li kien qiegħed bilqiegħda jittallab il-karità. Dan kien bniedem li kellu kuraġġ. Ma qalx: X’tista’ tagħmel? Bad luck! Nibqa’ fejn jien. Imma kellu l-kuraġġ jieħu l-azzjoni neċessarja biex jipprova jfiq. Kien bniedem ta’ fidi. Kien sema’ b’Ġesù, imma kellu l-fidi f’Ġesù, li hu jista’ jfejqu. U kien bniedem ta’ persistenza fit-talb. Hawnhekk naqraw it-talba tiegħu: Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni. U jerġa’: ikollok ħniena minni. F’dawn jgħallimna ħafna għal ħajjitna, jiġifieri: il-kuraġġ, li aħna qatt ma nintelqu fil-ħajja jew naqtgħu qalbna; il-fidi f’ Ġesù; u wkoll li aħna nitolbu bla ma naqtgħu, kif qalilna Ġesù stess.

Ħa nħarsu lejn il-folla tan-nies. Dawn in-nies, li kienu mexjin ma’ Ġesù, flok għenu lil dan il-bniedem għama biex jersaq lejn Ġesù, bdew iċanfruh u jsikktuh. Dawn in-nies kienu ostaklu għal dal-bniedem għama biex jasal għand Ġesù. Mhux biss ma tawx kasu u ma ressquhx huma lejn Ġesù, imma mblukkawh. Dan ifakkarna li l-folla tan-nies, dak li jaħsbu n-nies, dak li jgħidu n-nies, mhux bilfors hu t-tajjeb, ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna. Jistgħu jfixkluna fil-ħajja tagħna. Kieku qalb dawk in-nies kien hemm xi ġurnalista jagħmel vox pop u jistaqsi: għandna ngħinuh lil dan il-bniedem għama? Il-parti l-kbira kienu jgħidu: le, ħallih hemm. Dan l-imwarrab jibqa’ mwarrab. Għalhekk nitgħallmu li x’jaħsbu, x’jgħidu n-nies mhux bilfors hu kriterju ta’ dak li hu tajjeb u ħażin. Ma rridux inħallu lin-nies ifixkluna milli naslu għand Ġesù u milli nagħmlu dak li hu tajjeb.

Ħa nħarsu lejn Ġesù. Ġesù ta’ qalb kbira, li dejjem jimpurtah u dejjem jagħti każ mhux biss tal-folla tan-nies imma ta’ kull individwu. U f’dal-każ hawnhekk, meta sema’ lil dan il-bniedem għama jgħajjatlu, waqaf. Innutaw il-kliem tal-Evanġelju. Waqaf, qal lin-nies biex iressquh quddiemu, tah dik l-attenzjoni personali, staqsieh biex jisma’ mingħandu dak li għandu bżonnn, u fejqu, u tah mill-ġdid id-dawl. U nnutaw: tah id-dawl għax issa beda jara, imma tah id-dawl ukoll bħala direzzjoni fil-ħajja, għax l-Evanġelju jgħid li mbagħad baqa’ miexi warajh jagħti glorja hu lil Alla u permezz tiegħu, jgħin lin-nies ukoll biex ifaħħru lil Alla.

Nitolbu għalhekk lill-Mulej, aħna u nħarsu lejn din il-ġrajja, li aħna nitgħallmu minn dawk li qed jieħdu sehem f’din il-ġrajja. Nitolbu lill-Mulej biex ikollna l-kuraġġ fil-ħajja – li qatt ma naqtgħu qalbna, il-fidi fih u anke l-persistenza fit-talb li kellu dal-bniedem għama. Nitolbu biex aħna ma nħallux lin-nies b’xi mod jimblukkawna milli naslu għand Ġesù u milli nagħmlu dak li hu tajjeb. U nitolbu biex aħna jkollna din il-fiduċja sħiħa fil-Mulej Ġesù li lilna jagħtina d-dawl biex f’ħajjitna nimxu fit-triq it-tajba u dejjem nagħtu glorja lilu, u ngħinu wkoll lin-nies biex ifaħħru lilu.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.