Aħwa mill-istess ġuf


Il-Kardinal Peter KA Turkson dwar Fratelli tutti

Meta kont ġuvnott qed nikber u nistudja l-lingwi klassiċi tgħallimt li bil-Griek, etimoloġikament, il-kliem li jfisser ħutna nisa u rġiel ifisser, “mill-istess ġuf (a-delphos/a-delphē).”  din l-espressjoni baqgħet ittanbar fija u għenitni nifhem bosta sitwazzjonijiet tal-ħajja li jifxluk.

Għax jekk l-aħwa huma magħqudin mill-fatt li l-oriġini tagħhom hi l-istess ġuf, allura huma magħqudin fid-dinjità, magħqudin fil-ġieħ, magħqudin fid-drittijiet, filwaqt li jibqgħu jkunu differenti fl-attitudnijiet u d-drawwiet; u l-bqija tal-umanità  hekk hi magħmula – prodott tal-ġuf, aħwa lkoll kemm aħna.

Il-Kardinal Peter KA Turkson

Għallaqas biblikament, aħna lkoll nitqiesu ġejjin mill-istess oriġini, mill-istess missier, imma jien mill-Afrika, u ħafna huma mill-Ewropa u bosta oħrajn miċ-Ċina, u d-differenzi ta’ bejnietna huma evidenti.

Ladarba aħna tant differenti, nistgħu nibqgħu nitqiesu bħala ħaġa waħda?  Iva, nistgħu.  Il-ġuf li jagħmilna lkoll ħaġa waħda jista’ jkun il-ġuf tal-ġenituri tagħna, imma huwa wkoll il-ġuf ta’ ommna l-art, il-pjaneta li titmgħana.

Aħna ħaġa waħda għax ilkoll naqsmu flimkien ġuf wieħed ta’ kultura dinjija, li jiddetermina x’nistudjaw u lil xiex għandna nagħtu l-attenzjoni tagħna u kif għandha titmexxa ħajjitna.  Aħna msawrin mill-ġuf komuni tal-istorja, bil-gwerer dinjin li seħħew, u kulma ġara, li wassalna sa sal-punt.  U, dan l-aħħar, f’dal-ġranet, naqsmu flimkien il-ġuf komuni tat-theddida u l-kriżi tal-kura tas-saħħa: il-pandemija tal-covid-19.

B’ħafna modi, aħna lkoll ġejjin mill-istess ġuf.  Għalhekk dan għandu jmexxina lejn sens ta’ dinjiità kollettiv li ma jħalli li ħadd jaqta’ lura.  Imma fir-realtà tal-ħajja, uħud jitħallew jaqtgħu lura mitluqin fil-ġenb tat-triq, lura fil-kultura, lura fl-iżvilupp, lura fid-dħul finanzjarju, lura fl-edukazzjoni.

L-esperjenzi kollha li nagħmlu jagħżluna minn xulxin u ma jħallunhiex ugwali ma’ xulxin, minħabba għamliet differenti ta’ “nuqqasijiet fid-dinjità umana”.

Għalhekk ejjew inqisu dil-pandemija bħala żveljarin.  Ejjew immorru nfittxu lil ħutna li l-umanità u d-dinjità tagħhom hi dgħajfa u spiċċat tnemnima bla saħħa minħabba l-jasar modern u t-traffikar uman.  Ejjew immorru nfittxu lil ħutna li huma mwarrbin u minsijin.  Ejjew immorru nfittxu lil ħutna li sfaw abbandunati jew mitluqin fil-ġenb tat-triq.

Ejjew immorru nfittxu lill-irġiel u n-nisa li n-nuqqas tagħhom iġagħlna nħossuna inqas sħaħ u inqas f’sikkitna u niġbruhom ilkoll flimkien u nwettqu bis-serjetà l-għaqda u s-saħħa tal-familja umana tal-ħolqien t’Alla

“Għax aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.  Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll” (Rumani 8:28-30).

Miġjub għall-Malti mill-Ingliż minn Joe Huber

Dicastero per il servizio dello sviluppo umano integrale … http://www.humandevelopment.va/it/fratelli-tutti/riflessioni.html

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.