Int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa!

Dan l-aħħar ġie f’idejja ktieb mill-isbaħ u li jitħaddet il-volumi fuq min kitbu. Qiegħed nirreferi għall-ktieb My Pen’s toil, miktub mill-Profs. Patri Salvinu Caruana OSA.

Lill-Patri Salvinu issa ilni nafu s-snin. Kien wieħed mill-letturi tiegħi tal-Patroloġija fil-kors tat-teoloġija li l-Mulej tani grazzja li nagħmel fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Liema kors għadni u nibqa’ ngħożżu sal-aħħar nifs ta’ ħajti l-għaliex għadu jkellimni sal-ġurnata mqaddsa tallum. Xi ħaġa li dejjem laqtitni f’Patri Salvinu, dan il-ħabib hekk antik u hekk ġdid, hi li jitħaddet mill-anqas biex jagħti leħen lill-pinna tiegħu.

Fil-fatt, jiena u naqra dan il-ktieb qed nistħajjel lil Patri Salvinu qiegħed jobdi fedelment il-parir ta’ San Ambroġ lil Santu Wistin, hekk kif dan kien ikkonverta u beda l-ħajja ġdida tiegħu fi Kristu Ġesu bħala Nisrani, kif rappreżentata fil-film kolossali Restless Heart: It’s ink! Remember to use it all! Din linka! Ftakar li tużaha kollha!

U dak li Patri Salvinu, b’mod mill-aktar akkademiku u fl-istess ħin pastorali, qed iwettaq b’tant ġenerożità fin-nisġa ta’ ħajtu, kif murija f’dan il-ktieb. Għax, għal Patri Salvinu, dawn is-sebgħin sena ta’ ħajja tiegħu fostna kienu tabilħaqq snin fejn żera’ il-Kelma ta’ Alla bil-kitba u bit-tagħlim bil-għan li din, għalkemm hi l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, … meta tikber tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu u jbejtu fil-friegħ tagħha (Mt 13:32).

Personalment għoddejt mal-35 ktieb u papers akkademiċi tul dawn is-snin ta’ ħidma fejjieda b’risq is-Saltna ta’ Alla minn dan l-Agostinjan ħabrieki. Dan biex ma nsemmix ukoll seba’ kotba oħra li uħud minnhom diġà ġew ippubblikati! Għal dan kollu ma nistax ma niżżix ħajr lill-Mulej għax-xogħol fejjiedi li l-Ispirtu tal-Mulej qed iwettaq, fuq l-eżempju ta’ Santu Wistin, permezz ta’ Patri Salvinu!

Fil-messaġġ tiegħu f’għeluq is-sebgħin sena tiegħu, Patri Leslie Gatt OSA, il-Provinċjal tal-Patrijiet Agostinjani, kiteb hekk fuq Patri Salvinu: “Ta’ sebgħin, issa li rtira bħala Professur mill-Università ta’ Malta wara seba’ u għoxrin sena ta’ ħidma, aħna nħarsu ‘il quddiem biex nibbenifikaw mill-frott tar-riċerka tiegħu f’pubblikazzjonijiet oħra u anki fit-tmexxija tal-Istitut Agostinjan”.

Grazzi Patri Salvinu li l-għerf li l-Mulej tak matul iż-żminijiet qed taqsmu magħna! U grazzi li qed tħeġġiġna bl-eżempju tiegħek, fosthom lili l-ewwel wieħed, biex dejjem niftakar li l-linka għandi nużaha kollha! Għażiż ħija Salvinu, b’din kitbietek, tassew li int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa! (Ġw 2:10).

Dan il-ktieb tistgħu takkwistawh billi ċċemplu fuq 79294177 jew 77708700.

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading