Mid-Dnub għall-Konverżjoni


Se nitkellmu dwar id-dnub u l-maħfra mid-dnub. Għalhekk għażilna talba li kiteb San Ġorġ Preca fejn nistqarru li aħna wkoll parti minn dinja li hi mħabbta mid-dnub, imma għandna fiduċja f’Alla, li xorta waħda jibqa’ jħobbna, minkejja l-waqgħat tagħna. “O Alla ta’ kobor infinit, li tassew tirreżisti lis-suppervi u tagħti lill-umli l-grazzja tiegħek, kemm ħabbewk il-qaddisin tiegħek! Kemm batew biex jogħġbuk f’kollox! Merew ’il qalbhom u sostnew dwejjaq, u dan kollu bil-grazzja tiegħek. U jiena, kollni mistħija nistqarr li xejn den jiena għamilt quddiem għajnejk bi ħtija tal-kburija tiegħi nnifsi. U tant ma niswa xejn, li ma nissugrax ngħidlek ħlief li tħares lejja u tħenn għalija.

Meta aħna nagħżlu

Fil-ħajja aħna nagħmlu għażliet il-ħin kollu. X’se nixtru, x’se nsajru, fejn se mmorru, fejn se nsiefru, x’libsa se nfasslu jew se nixtru u liema Quddiesa se nisimgħu. Imma kull wieħed u waħda minna għandna l-aqwa deċizjoni li qed nieħdu, jew forsi diġà ħadna: dik jekk hux se nagħżlu lil Alla jew ma nagħżluhx, kemm f’ħajjitna kif ukoll fil-ħajja l-oħra. Fi kliem ieħor jekk irridux ngħixu b’mod li Alla jkun il-mistieden f’ħajjitna, jew li nagħżlu li ngħixu mingħajru, qisu Alla mhu xejn għalina. Biex inkunu iktar ċari, jekk irridux immorru l-Ġenna jew x’imkien ieħor fejn Alla ma jixtiqniex li nkunu. U naħseb li jekk nirraġunaw xi ftit, lanqas aħna ma rridu nkunu hemm! U jekk l-għażla tagħna ma tkunx it-tajba, inkunu ħlejna ħajjitna. Inkunu għamilna l-ikbar żball. Mhux fuq il-kulur ta’ biċċa drapp, jew l-istil ta’ żarbun, jew fuq xi biċċa art li nnegozjajna, imma fuqna stess. Għaliex aħna nibqgħu għaddejjin fuq dak li jiġri lin-nies, is-sabieħ u l-ikrah tagħhom, imma meta xi ħaġa tmiss lilna, hemmhekk l-istorja tkun differenti.

Imma tgħid: “Possibbli li hawn min ma jagħżilx lil Alla? Mhux kulħadd irid iġawdi? Mhux kulħadd irid imur il-Ġenna?” Mhux biss possibbli, imma d-dnub immarka l-istorja tal-bnedmin. Dik ta’ Adam u Eva hija storja tagħna lkoll. Imbagħad tkompli, Abel u Kajin… u l-bqija tal-istorja. Kuljum naraw madwarna mġiba li tirrifletti d-dnub u b’konsegwenza naraw vittmi ta’ għira, ta’ mibegħda, ta’ serq, ta’ tfarrik ta’ familji. Ħafna mill-aħbarijiet li naraw u naqraw iġibuna f’sensina li d-dnub qiegħed hemm, u mhux qiegħed fil-bogħod. Inħossuna qed ngħixu miegħu.

X’inhu d-dnub?

Imma x’inhu d-dnub? Dnub ifisser li ma tolqotx il-mira. Dan ma jfissirx li meta wieħed jagħmel id-dnub sempliċiment ma osservax ir-reġoli tal-liġi t’Alla fid-dettall. Imma jfisser li ma weġibx għall-patt t’Alla; għall-istedina kollha imħabba t’Alla, li fassal għalina triq tajba u aħna għaddejna minn triq oħra.

Hemm ħafna espressjonijiet fil-Bibbja, bħal din li Alla wassal permezz tal-profeta: “Jiena rajt kif int dnibt kontra Alla, int diġà dort ‘il hemm mit-triq li Alla uriek.” U Mosè meta kisser it-twavel, dan għamlu biex juri lil-Lhud li huma mhux biss kienu kisru Kmandamenti, imma wkoll kisru r-rabta personali m’Alla. U t-tfarrik tal-Kmandamenti kienet espressjoni ta’ dan.

Id-dnub hu li tagħti dahrek lil Alla. Xi drabi dan isir formalment mill-bniedem, meta jagħlaq qalbu għall-imħabba t’Alla. Mela d-dnub hu li wieħed jonqos mill-imħabba lejn Alla.

Il-qalb proprja hi marbuta mal-emozzjonijiet u mal-ħsibijiet tal-bniedem. Hi fejn il-bniedem jagħti t-tweġiba tiegħu lil Alla u proprju hemmhekk id-dnub jolqot il-qalb tal -bniedem. Bid-dnub wieħed iċaħħad lill-qalb il-ħidma li hi maħluqa għalih: li tħobb, li trodd l-imħabba. Meta wieħed jagħmel il-ħażin juri li m’għandux sentimenti nobbli f’qalbu; qed joħnoq il-għajta li hemm qalbu. “Inqiegħed il-liġi tiegħi f’qalbkom, niktibha fuq qalbkom.” U l-Papa Ġwanni Pawlu II kien jgħid: “Iftħu qlubkom beraħ għal Alla!”

Aħna nsemmu dnub mejjet jew dnub venjal. Proprjament it-tnejn nistgħu ngħidu li dawn huma serji. Biex dnub ikun ġravi jenħtieġ li jkun hemm tliet kundizzjonijiet flimkien: hu dnub gravi kull dnub li bħala oġġett tiegħu għandu xi ħaġa gravi, u min jagħmlu jkun jaf sewwa x’qiegħed jagħmel u jagħmlu b’rieda sħiħa. Nieħdu lil Ġużeppi, bin Ġakobb. B’ebda mod ma ried li jaċċettal-istedina ta’ mara li ntilfet warajh. Li aċċetta, kien ikollu karriera f’dar is-sultan, imma għażel il-ħabs minflok. U qal: “Kif nista’ nagħmel dan id-dnub kbir u nidneb kontraAlla tiegħi. Alla ma jridx.” Ġużeppi hu eżempju ta’ min jagħżel lil Alla u jżomm mal-prinċipji u maI-valuri tajbin.

Id-dnub ġravi jrid għarfien sħiħ, kunsens sħiħ. Wieħed ikun jaf li dak li se jagħmel hu dnub, huwa ħażin, li hu kontra l-liġi t’Alla. U jitlob ukoll kunsens li jkun biżżejjed ħieles bħala għażla personali ta’ dak li jkun. L-injoranza mhijiex skuża; min jgħid li ma jafx x’jgħidu l-kmandamenti. Għax il-Kmandamenti mhumiex ħlief il-liġi t’Alla naturali li hemm fil-bniedem. Kull bniedem iħoss din il-liġi. Hemm bżonn jgħidulna l-Kmandamenti li għandna nirrispettaw lill geniturii? Li m’għandniex nisirqu? Li m’għandniex inqarrqu bl-oħrajn? Li m’għandniex nagħmlu l-ħsara b’dak li ngħidu u b’dak li nagħmlu? Mhemmx għalfejn jgħidulna l-Kmandamenti. U jekk id-dnub ma jinfediex bl-indiema u bil-maħfra ta’ Alla, iġib miegħu konsegwenzi li jwasslu għal firda minn Alla, Għax aħna bil-libertà nistgħu nagħżlu affarijiet għal ħajjitna kollha, mingħajr qatt ma nerġgħu Iura minnhom. Id-dnub huwa nuqqas kontra r-raġuni u kontra l-kuxjenza retta, il-kuxjenza tajba. Hu nuqqas ta’ mħabba lejn Alla, lejn il-proxxmu, li xi drabi tiġi minħabba xi rabta ħażina li jkollna ma’ xi persuna jew ma’ xi oġġett. Naraw ukoll is-serjetà tad-dnub. Forsi aħna ma nifhmux li hu hekk. Imma d -dnub hu offiża kontra  Alla: “Kontrik biss jiena dnibt u għamilt dak li hu ħazin f’għajnejk.”

Kontra l-imħabba ta’ Ġesù

Id-dnub hu mħabba lejna nfusna li twassal sal-istmerrija ta’ Alla. Ma jimpurtaniex minn Alla. U b’din l-imħabba tagħna nfusna, kollha kburija u suppervja, id-dnub iqiegħdna f’qagħda għal kollox kuntrarju għall-ubbidjenza ta’ Ġesù. Ubbidjenza li wasslitu sal-ikbar imħabba li wieħed jista’ jagħmel, li jagħti ħajtu għall-ħbieb tiegħu. U Ġesù juri s-serjetà tad-dnub. Din ir-realtà tad-dnub jurihielna fil-Iejla qaddisa tal-aħħar ikla ta’ Ġesù. Kienet lejla mibnija fuq l-imħabba, meta Ġesù għamel taIba tassew sabiħa. “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien. Hekk għandkom tinħabbu bejnietkom. Minn dan jagħrfukom li intom dixxipli tiegħi, jekk tħobbu lil xuIxin.” U fil-qalba ta’ din l-ikla, Ġesù qal, waqt li ħa l-ħobż f’idejh u radd il-ħajr, u qasam u tahom il-ħobż: “Dan hu ġismi, li ġie mogħti lilkom. Imbagħad ħa l-kalci, radd il-ħajr, tahulhom u qal: “Ixorbu minnu Ikoll, għax dan huwa demmi, id-demm tal-għaqda l-ġdida, li jixxerred għall-kotra, għall-maħfra tad-dnubiet.” Dan hu wkoll spjeġat f’dak li kien miktub minn Iżaija: “Ħaduh għall-qatla bħall-ħaruf minħabba d -dnubiet tal-bnedmin, biex jikseb maħfra għad -dnubiet tagħna.” Bħalma jgħid San Ġorġ Preca, il-kruha tad-dnub tidher fuq Ġesù, bla sura f’ħalq il-mewt, veru tpattija tad-dnub. X’inhi l-kawża ħlief id-dnub li wasslet lil Ġesù f’dan I-istat?

Id-dnub jidher ukoll fil-konsegwenzi tiegħu, fosthom it-telfien ta’ paċi. Min-naħa l-oħra nistgħu ngħidu li s-sens tad-dnub hi l-ħniena t’Alla’. Id-dnub hu xi ħaġa kerha għax hu kontra ta’ kif Alla jittratta magħna. Il-Vanġelu stress hu r-rivelazzjoni f’Ġesù Kristu, tal-ħniena t’Alla għall-midinbin.  L- anġlu ħabbar lil Ġużeppi: “Inti ssemmih Ġesù għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. Hekk ukoll fl-Ewkaristija, is-sagrament tal-fidwa: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet.” Hu proprju fil-Passjoni li Kristu jirbaħ id-dnub, għaliex fl-aħħar mill-aħħar id-dnub irid jintrebaħ. U Ġesù fil-Passjoni juri l-vjolenza tad-dnub fil-ħafna suriet tiegħu: in-nuqqas ta’ fidi, il-mibegħda, iż-żeblih tal-kapijiet u tal-poplu, l-għemil ġifa ta’ Pilatu, il-kefrija tas-suldati, it-tradiment ta’ Ġuda, iċ-ċaħda ta’ Pietru.

Iżda f’dan il-mument ta’ dlamijiet hemm ukoll is sagrifiċċju ta’ Kristu li sar għajn li dejjem tnixxi għall-maħfra tad-dnubiet. U Ġesù naraw aħna anke fil-pitturi, illi filwaqt li min qed isawtu hu ddisprat, b’wiċċ irrabjat, naraw lil Ġesù jibqa’ seren, jibqa’ kalm, jibqa’ sabiħ, avolja sfigurat. Hawn min jipprova jikkonvinċi ruħu li l-kuxjenza mhi qed tgħidlu xejn. Imma l-kuxjenza hi bħal triangolu li hemm ġo fina u li ma jiċċaqlaqx meta qed ngħixu tajjeb, imma jiċċaqlaq meta nagħmlu l-ħażin u b’hekk il ponot iweġġgħuna. Imma jekk nibqgħu fil-ħażin, il-ponot ma jibqgħux iniggżuna għaliex isiru tondi u ma jweġġgħuniex. Hawn min qatel u mar jiekol jew mar jagħmel xi biċċa xogħol. ld-dnub jagħmel ħsara lill -komunità u firda mill-oħrajn. Aħna lkoll ulied ta’ Missier wieħed. Hekk naqraw: “Il-ħajja ta’ kulħadd hi tiegħi, il-ħajja tal-missier, bħall-ħajja tal -Iben, it-tnejn huma tiegħi.”

Ħsara lill-komunità

Id-dnub idgħajjef il-komunità għax aħna membri tal-istess familja. Hawn min forsi jiftakar l-istraġi fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Boloġna, fl-Italja. Fit-2 t’Awissu 1981, fl-10.25 minuta ta’ filgħodu. Kien hemm ħafna nies jistennew lil xi ħbieb, liI xi ħadd jiġi minnhom. F’daqqa waħda, is-sala tisplodi. Imutu 84. Ta’ kull età. Xjuħ, tfaI imqabbdin ma’ ommijietħom. X’inhu li jwassal qalb il-bniedem biex tkun daqshekk bla ħniena? Dan hu d-dnub, fir-realtà tiegħu. Niftakru wkoll fil-massakri ta’ Rwanda u f’naħat oħra tal-Afrika u fl-Ewopa f’dik li kienet il-Jugoslavja. Kemm intilfu ħajjiet ta’ nies minħabba l-mibegħda tal-bnedmin; mibegħda li l-bniedem jużaha kontra ħaddieħor. U din turina x’inhu d-dnub. Id-dnub hu nota stunata. Ineħħi l-armonija minn fostna.

Nitkellmu aħna fuq dnub mejjet u dnub venjal, li proprjament it-tnejn huma xi ħaġa li mhux ta min jagħmilha. It-tnejn ibiegħdu b’ xi mod lill-bniedem minn Alla. Id-dnub il-mejjet, ibiegħdu minn Alla, jifirdu minn Alla. Id-dnub venjal iħalli l -imħabba fil-qalb tal-bniedem imma jnaqqasha. Id-dnubiet venjal li bil-mod il-mod iwasslu għall-periklu ta’ dnub gravi, huma serji wkoll. Bħal min hu marid u ma jridx ifiq. Normalment din il-firda serja hi ppreparata minn dnubiet venjali li jgħaddu minn dnub għall-ieħor. Id-dnubiet venjali jdgħajfu wkoll il-ħajja t-tajba. Hemm zewġ manjieri ta’ kif wieħed jidħol fid-dnub gravi u jitlef il-grazzja t’Alla, meta ngħidu aħna m’inix fil-grazzja t’Alla, allura lanqas nista mmur nitqarben u nieħu sehem fis-Sagramenti. Jew bid-dnub il-ġravi, li wieħed jagħmel b’għajnejh miftuħa, u jaf li b’dak li se jagħmel qed jikkuntradixxi l-ħbiberija t’Alla. Madanakolu jiddeċiedi li jagħmel dan l-att, u b’hekk allura jidħol f’qalbu u jifforma liI ħajtu dak huwa d-dnub il-mejjet, ngħidulu aħna, jew id-dnub il-mejjet. Jew inkella b’sensiela ta’ dnubiet venjali li jwasslu għal dnubiet ikbar. Bħal xemgħa li kważi maħruqa, jiġi riħ u jitfiha. Imma min iħobb lil Alla, irid jitwarrab mhux biss mid-dnubiet il-mejta imma wkoll mid-dnbiet venjali, dawk li jifirduna minn AlIa b’xi mod imqar għal xi zmien. L-aħjar li ma jagħmel lanqas dnubiet venjali, li jwassIu bil-mod għad-dnubiet il-gravi. Kull azzjoni ħazina, hi dnub fiha nfisha.

M’għandniex ngħidu: “Imma billi għamilt att wieħed ħazin, att partikuIari, ma jfissirx li ma nħobbx lil Alla! “Biex titbiegħed minn Alla,” jgħidu xi wħud, “trid tagħżel li ħajtek tgħaddiha fid-dnub!” Imma fih innifsu, kull att partikuIari ħażin, huwa dnub.

Imbagħad l-agħar hu meta wieħed jagħmel għażla b’għajnejh miftuħa li jrid jagħlaq qaIbu għal Alla. Hawn min qed jipprova jagħżel it-tajjeb. Id-deċiżjoni għat-tajjeb kif ukoll għall-ħażin mhix xi ħaġa ta’ malajr. Mhux kemm tgħid li xi ħadd hu responsabbli għal għemilu. L-ewwelnett għax il -bniedem ma jaħsibx li dak li se jagħmel se jkun tant radikali fil-ħajja tiegħu. It-tieni ukoll jekk l-intenzjoni qiegħda hemm, fil-persuna jibqa’ ċertu rkejjen li għad mhumiex imdawlin biżżejjed.

Ħaġa sabiħa kieku, li jkolIna nies bi tjubija li tidher fl-istil ta’ ħajja. Imma s-sitwazzjoni konkreta ta’ ħafna bnedmin hi mmarkata minn eredità u ambjent li jfixkluh.

Il-konverżjoni…

Trid paċenzja u trid iż-żmien biex il-ħajja tkun taqbel ma dak li jrid Alla. Il-virtujiet umani jitrabbew fina maż-żmien u mhux mil-lum għal għada. Alla, ma ninsewx, li hu ħanin anki mal-midneb. Niftakru, is-Samaritana, mara tad-dnub u Ġesù ħafrilha. L-adultera, mara magħrufa għad-dnub tagħha u Ġesù ħafrilha. San Pawl stess sabha tqila li jirbaħ it-tentazzjoni, u dan isemmihulna fl-ittra tiegħu lir-Rumani u jgħid: “Togħġobni l-liġi t’AlIa, imma nħoss liġi oħra fija titqabad mal-liġi ta’ moħħi u tjassarni għalI-liġi tad-dnub. Miskin jien, min se jeħlisni minn dal ġisem tal -mewt. Ħajr lil Alla b’Ġesù Kristu, Sidna.” Jiġifieri ladarbna hemm il-grazzja t’Alla, aħna nistgħu nirbħu t-tentazzjoni. Ukoll, mhux bilfors, kif jgħidu, li: “kif tgħix, tmut”. Mhux bilfors. Qisu li wieħed għaliex jiżbalja fil-ħajja tiegħu allura mhemmx korrezzjoni. “Jekk ngħidu li ma għandniex dnub, inkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u I-verità ma tkunx fina.

Kliem il-Bibbja dan. “Jekk nistqarru dnubietna imma, Alla hu fidil u ġust hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.” Kif jgħid San Pawl ukoll, li: “fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja.” “Alla”, kif jgħidu: “jaf jikteb dritt fuq il-linji mgħawġin tagħna”. U għalhekk, wara kollox, hemm il-konverżjoni. Wieħed Rabbi, għaref jiġifieri fil-liġi Lhudija, kien jirrakkonta hekk lill-istudenti tiegħu: “Kull wieħed tiela ma’ ħabel lejn AlIa. Kif nagħmlu dnub, il-ħabel jinqata’. Kif jiddispjaċina mill-ħtija, Alla jorbot il-ħabel b’għoqda. Hekk il-ħabel jiġi iqsar milli kien qabel. Il-midneb ikun resaq ftit iktar qrib lejn Alla.

Minn waqgħa għall-oħra, minn ħtija għall-indiema, minn għoqda għall-oħra, aħna nersqu ftit iżjed lejn Alla. Fl-aħħar kull wieħed mid-dnubiet tagħna jkun okkażjoni biex inqassru aktar il-ħabel u naslu aktar qrib lejn il-qalb t’Alla. Kollox hu grazzja, jiġifieri anke dnub kważi jista’ jressaqna lejn Alla. Id-dnub irridu nirbħuh aħna wkoll fil-ħajja tagħna.

… hi possibbli

U kien hemm ħafna li għaddew għal ħajja aħjar. Il-konverzjoni ta’ San Pawl hija waħda mill-ikbar ġrajjietu kienet mera għal bidliet kbar oħrajn. Infatti fl-istorja niltaqgħu ma’ diversi persunaġġi li kellhom il-ġrazzja li jinbidlu, li jikkonvertu. Nieħdu lil Paul Claudel. Dan kien ġej minn familja Kattolika, familja ta’ raħħala, u fl-adolexxenza tiegħu meta kien żagħżugħ ma baqax jemmen. Meta kellu 18-il sena kellu esperjenza li biddlitlu ħajtu għal kollox. Kien jum il-Milied meta daħal fil-Katidral ta’ Notre Dame, f’Pariġi, waqt li l-kor kien qed ikanta. Minnufih ħass xi ħaġa li għenitu biex jikkonverti għar-reliġjon Kattolika. Sema’ leħen minn fuq jgħidlu: “Hemm Alla”. Fis-snin ta’ wara, il-Bibbja saret iċ-ċentru ta’ ħajtu u tal-kitbiet tiegħu. Claudel ra li Alla hu l-arkitett suprem tad-dinja u li għazel lill-bniedem biex ikun fil-post ċentrali tal-istorja tiegħu. Induna li Alla hu ta’ min iħobbu.

Adolf Bormann, iben il-kap Nażista Martin Borman. Dan wara l-gwerra kien qed jistaħba għand familja ta’ bdiewa, Kattoliċi tajbin. Dawn laqgħuh f’isem il-karità Kristjana. Kien fi kriżi kbira tant li kien se jneħħi ħajtu. Fl-iskola kienu għallmuh li l-Ġermanja qatt ħadd ma jista’ jirbħilha u, minfIok, tilfet il-gwerra. Imbagħad ġrat xi ħaġa f’ħajtu. Darba waħda, jirrakkonta, ġie Saċerdot mill -qrib biex jara lill-bdiewa li hu kien mistoħbi għandhom u jirrakkonta kemm sofra dal -qassis li ġie għand il-bdiewa.

Beda jirrakkonta kemm sofra hu u wkoll qassis ieħor taħt il-Ġermaniżi. Għall-ewwel dan Adolf ma weriex interess, għax kien jobgħod il-qassisin. għax, skont in-Nażisti, il-qassisin kienu jingannaw lill -poplu u l-Knisja kienet l-għadu tal-Ġermanja, skont huma. Imma meta l-Qassis kellu kliem ta’ konsolazzjoni għalih, dan Adolf ħass forza li ispiratlu kalma, paċi u mħabba. F’dan il-qassis kien hemm sigurtà ta’ fidi u mhux ta’ qerq. Adolf Borman ikonverta u ‘l quddiem sar Saċerdot. Il-konverzjonijiet għadhom isiru sal-Ium.

Insemmu lil Claudia Koll, li kienet attriċi taċ-ċinema u tat-televiżjoni mill-1989 sas-sena 2000. Kienet ħalliet il-Knisja u għexet kif riedet, tagħmel li trid, fi spirtu ta’ ribelljoni kontra kull awtorità. Darba sabet ruħha, mingħajr ma taf, mirbuħa minn sens ta’ biżgħa. Ħassitha li qiegħda fil-preżenza tad-dnub u ta’ periklu għal ruħha. Bdiet tgħid il-Missierna u l-biżgħa mar bil-mod. Claudia Koll saret Kattolika devota u hi mdaħħla f’ħafna attivitajiet umanitarji.  U vvjaġġat mal-Italja kollha biex tagħti xhieda tal-konverżjoni tagħha u tistieden iż-żgħażagħ biex jerġgħu lura għat-talb u l-fidi f Alla. Fl-2006 tat xhieda qawwija f’servizz ta’ fejqan hawn f’Malta.

Tkellimna dwar dawn il-personaġġi, San Pawl, Paul Claudel, Adolf Borman u Claudia Koll. Issa jmiss lilna li nistaqsu: “Jien fhiex nista’ nsir aħjar?” Il-konverżjoni hi possibbli għal kulħadd anki jekk espressjonijiet popolari jgħidu mod ieħor. Mhux bilfors li “min twieled kwadru ma jmutx tond”, u li “d-drawwa li titwieled fina l-kefen biss ineħħiha”, jew li “l-ġurnata minn filgħodu turik”. Dawn huma espressjonijiet li ma jgħoddux għad-dnub u għall-konverżjoni. Għaliex hija possibbli li aħna nsiru aħjar. U allura tajjeb li nirrakkuntaw storja ta’ xi ħadd li fl-aħħar ta’ ħajtu resaq lejn Alla.

Tliet Sliema u Qaddisa

Din hi storja li jirrakkontaha qassis Spanjol u jgħid li “Darba ġew għalija malajr.Raġel qed imut, u ried qassis, hu min hu. U mort. Għall-ewwel ma ħallewnix nidħol. Qatt ma daħal qassis hemmhekk, u ħarsu lejja b’suspett u mibegħda. Kien hemm raġel fis-sodda. Raġel kbir. Il-qrara tiegħu kienet iebsa; bilkemm stajt nisimgħu. Kienet qrara twila. Kellu ftit minuti ta’ ħajja, u ried jgħidli xi ħaġa oħra. Kien għajjien u jonfoħ. Kien ilu ma jqerr 40 sena.

“Naħseb tistagħġeb għaliex sejjaħt għal qassis.” Jien m’għidt xejn. Ridtu jkompli. “Meta ommi kienet qed tmut,” (u issa l-qassis ma setax jisimgħu iżjed), “ġabritna madwarha”, qal dan ir-raġel u qaltilna: “Ara, m’għandi xejn x’inħallilkom. Imma għamlu dak li se ngħidilkom. Għidu tliet Sliema u Qaddisa kuljum qabel torqdu.“U jien hekk għamilt!” Ir -raġel kien jolfoq u jgħajjat: “Jien hekk għamilt!” Miet jitkellem: “U jien għedthom!” Mela talba żgħira kienet biżżejjed biex dan ir-raġel jikkonverti fl-aħħar ta’ ħajtu.

Kuraġġ

Mela nagħmlu kuraġġ, u j’Alla, wara ħajja li fiha nkunu għamilna għall-aħjar minkejja n-nuqqasijiet tagħna, inkunu nistgħu ngħidu l-kliem ta’ San Pawl: “Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt it-tiġrija u egħluq tmiemi wasal. Mill-bqija hemm lesta għalija l-kuruna li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.” J’Alla dan ikun għalina wkoll.

U issa, bħala l-aħħar talba, tajjeb ngħidu t-talba popolari li min jaf kemm għedniha imma li tispira wkoll sens ta’ maħfra. Dik li ngħidu wara t-tqarbin. “O Ġesu’ maħbub tiegħi mixħut għarkupptejja quddiemek nitolbok bl-akbar ħrara li tnissel f’qalbi twemmin, tama u mħabba l-aktar qawwija, kif ukoll indiema kbira ta’ dnubieti u fehma sħiħa li ma nerġax noffendik, filwaqt li bil-ħniena kollha sejjer naħseb fuq il-ħames pjagi tiegħek u nibda minn dak li qal fuqek il-qaddis profeta David: “Nifduli idejja u riġlejja u għaddewli għadmi kollu.”

Joe Galea

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.