Qima lil San Ġużepp minn San Ġorġ Preca

Print Friendly, PDF & Email

Il-virtù f’San Ġużepp

San Ġorġ Preca jistieden hekk għal mod ta’ ħajja li jwasslilna San Ġużepp bil-virtujiet tiegħu.

Għeżież tiegħi, nagħmlu attendenza flimkien fuq kull virtu’ teologali, u f’kull virtu’ kardinali u fuq kull virtu’ oħra morali u fl-istess ħin nammettu li f’San Ġużepp kienet tinsab virtu’ esposta għall-attenzjoni tagħna.

Imbagħad issir l-‘Iskola’ ta’ San Ġużepp’ b’din il-forma: tissemma’ l-virtu u min ikun preżenti jwieġeb għal żewġ mistoqsijiet wara xulxin, eż: “X’inhi l-Fidi?” “fejn naraw din il-virtù f’San Ġużepp?” Wara tingħad it-talba: “Nirrikorru lejn San Ġużepp u nitolbuh li jaqlgħalna mis-Santissima Trinita’ d-don tal-Fidi bħal ma huwa kellu fil-moħħ u fil-qalb tiegħu. San Ġużepp ta’ qalb safja. Itlob għalina.”

Hekk isir fil-virtujiet l-oħra tat-tama, imħabba lejn Alla, imħabba lejn il-proxxmu, prudenza, tgħakkis, ġustizzja, qawwa, umilta’, manswetudni, ubbidjenza, intenzjoni retta, silenzju, paċenzja, bżulija, faqar, kastita’, u qdusija.

Dan l-eżerċizzju jagħlaq bit-talba: “O San Ġużepp nixtiequ nqimuk kif l-iżjed jogħġob lilek, u billi nafu li hija wisq għal qalbek is-sjufija tiegħek, għalhekk aħna noffrulek il-qalb safja tiegħek sabiex nunurawk, u sabiex niġbdu minnek fuq is-Soċjeta’ kollha museumina l-benedizzjoni, il-protezzjoni u kull ġid ieħor spiritwali u materjali.  Ammen.”

Issa aħwa għeżież, nagħmlu attendenza f’forma ta’ Xenovlepija, jiġifieri nimmeditaw il-ħajja ta’ San Ġużepp billi niftakru u nfakkru lil sħabna preżenti episodji mill-ħajja ta’ dan il-kbir qaddis. 

_____

Episodji mill-ħajja ta’ San Ġużepp

Eżerċizzju sabiħ ta’ San Ġorġ Preca hu dak li semmih Xenovlepija,  li nistħajlu xeni mill-ħajja ta’ San Ġużepp. San Ġorġ Preca ma xtaqx li dawn l-episodji, inklużi l-mumenti ta’ ferħ u ta’ niket li għadda minnhom, m’għandhomx jittieħdu minn leġġendi imma għandhom ikunu bażati fuq il-Vanġelu, waqt li wieħed jgħinu ruħu bl-immaġinazzjoni u s-sens komun. L-episodji jibdew hekk: “Nistħajjel li qed nara lil San Ġużepp…”

_____

Tliet inkini lil San Ġużepp

L-aktar għeżież, ejjew nagħmlu inkin ta’ qima lil San Ġużepp, għax Alla fil-ħniena tiegħu, għażlu biex ikun il-Kap tal-Familja Qaddisa. Ammen.

Wara kull invokazzjoni, isir inkin lix-xbiha ta’ San Ġużepp u titkanta t-tislima: “Wisq safi Ġużeppi, li ħarist l-Omm Verġni, inti missier hieni, itlob ‘l Alla għalina.”

L-aktar għeżież, ejjew nagħmlu inkin ta’ qima lil San Ġużepp, għax ommna l-Knisja Kattolika Qaddisa, għażlitu fl-għerf tagħha biex ikun il-Patrun universali tagħha.

L-aktar għeżież, ejjew nagħmlu inkin ta’ qima lil San Ġużepp, għax Alla, fil-ġustizzja tiegħu, bierku, faħħru u inkurunah bil-glorja denja tal-missjoni tiegħu.

Santissma Trinita’, irċievi l-pjagi ta’ Kristu Ġesu’ li aħna flimkien noffrulek sabiex nirringrazzjawk denjament għall-imħabba kbira tiegħek lejn il-Beatissimu Ġużeppi, li f’idejh inti afdajt lill-Verġni tal-Verġni u lil-istess frott ta’ din l-Omm Verġni. Ammen.

O San Ġużepp nixtiequ nqimuk kif l-iżjed jogħġob lilek, u sa fejn nafu aħna li hija wisq għal qalbek is-sjufija tiegħek; għalhekk aħna noffrulek il-qalb safja tiegħek biex ninkurunawk, u biex niġbdu minnek il-benedizzjoni, il-protezzjoni u kull ġid ieħor materjali u spiritwali. Ammen.

_____

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.