San Ġużepp hu mudell għalina lkoll

Print Friendly, PDF & Email

Minn San Ġorġ Preca

L-iktar għeżież jekk San Ġużepp huwa mudell għall-insara kollha, però b’mod speċjali huwa għas-saċerdoti li bl-idejn ikkonsagrati tagħhom jittrattaw l-istess Ġesu’ Kristu, li hu b’tant venerazzjoni kien iqim fuq id-dirgħajn kastissimi tiegħu.

Huwa wkoll mudell għal ġenituri li għadhom irabbu l-uliedhom bl-edukazzjoni tar-ruħ u tal-ġisem, billi San Ġużepp għamel tant kura lejn Kristu Ġesù, l-Iben putattiv tiegħu; huwa wkoll għall-miżżewġin li għandhom jinħabbu b’għajnuna sinċiera lejn xulxin, bħalma San Ġużepp kien jirrispetta b’tant qima tal-qalb lil martu Marija Santissima u b’tant fedelta’ lejha.

Huwa wkoll għall-ħaddiema li għandhom jitħarġu fix-xogħol għall-manteniment tagħhom u ta’ wliedhom, għax San Ġużepp kien ħaddiem u ma kienx jaborri x-xogħol u taħt l-għajnejn tal-pajżani tiegħu bl-onesta’ kollha mingħajr mistħija kien f’ħanutu jagħmilha ta’ mastrudaxxa; huwa wkoll għat-tribulati li għandhom jissaportu s-salib li Alla fil-ħniena infinita tiegħu u fil-providenza tiegħu jiddisponi fuqhom, infatti San Ġużepp ġarrab duluri tassew ħorox fil-qalb tiegħu għall-kawża ta’ Ġesu’ u ta’ Marija Santissima.

Iva San Ġużepp huwa mudell għal kull serv fidil t’Alla, għax fih kien hemm kull xorta ta’ virtu’ u ma jistax jonqos x’ħin l-Ispirtu s-Santu fil-Vanġelu espressament sejjaħlu ‘bniedem ġust’ mentri ma kienx issejjaħlu hekk, kieku f’San Ġużepp kienet nieqsa xi virtù.

Immela f’San Ġużepp bla ebda dubju kien hemm il-Fidi, it-Tama, u l-Imħabba lejn Alla u lejn il-Proxxmu.  Kien hemm il-Prudenza, it-Temperanza, il-Ġustizzja u l-Fortezza; kien hemm l-Ubbidjenza, is-Sempliċità, is-Silenzju, il-Paċenzja, il-Bżulija, il-Faqar, il-Kastità, f’kelma waħda kien hemm fih il-Qdusija, u għalhekk huwa mudell għal kull min irid ikun veru serv t’Alla, għal kull min irid tassew itemm il-fini li għalih ħalaqna Alla.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.