Dan il-Milied niftħu qalbna għall-Mulej

Il-Ħadd, 20 ta’ Diċembru 2020: Quddiesa tar-Raba’ Ħadd tal-Avvent mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tal-Isptar Mater Dei, l-Imsida.

Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna

L-anġlu tal-Mulej ikellem lil din ix-xebba rżina, Marija ta’ Nazaret, u jfakkarha li “għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun” (Lq 1:37).

L-Evanġelju ta’ San Luqa, meta jintroduċi lil din ix-xebba, jgħidilna li kienet “mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David” (Lq 1:27). U meta l-anġlu jħabbar li Marija li kellha tnissel fil-ġuf tagħha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, iħabbrilha li kella tnissel fil-ġuf u jkollha iben u ssemmih Ġesù u dwar it-tifel li kien se jkollha, jgħidilha hu jkun kbir, ikun jissejjaħ Bin il-Għoli, il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb (ara Lq 1: 31-33).

Id-dar. hawnhekk għandna d-dar ta’ David, Ġużeppi mid-dar ta’ David, it-tifel ta’ Marija se jkollu it-tron ta’ David missieru jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb. Id-dar mhijiex il-bini, id-dar hija l-qalba tal-familja li tħobb lil xulxin u tgħix fl-għożża ta’ xulxin.

Fl-ewwel qari smajna lil David, dan ir-re magħżul minn Alla, it-tifel iż-żgħir ta’ Ġesse, ir-ragħaj magħżul minn Alla, biex ikun re – minn ragħaj isir re – imma bħala re jibqa’ r-ragħaj tal-poplu tiegħu. Għandu l-missjoni li jieħu ħsieb id-dar tiegħu. U dan ir-Re David, li ġej mit-tribù ta’ Ġuda, irid jibni dar tal-ġebel għall-Mulej. Natan, il-profeta tiegħu, l-ewwel jinkoraġġih u jgħidlu li hi ħaġa tajba (ara 2 Sam 7:3) imma mbagħad Natan jirċievi messaġġ qawwi minn Alla u jmur għand David u jgħidlu li mhux hu se jibni dar lill-Mulej, ima l-Mulej se jibnilu waħda, se jibnilu n-nisel tiegħu, u minn dan in-nisel se joħroġ sultan, l-għerq ta’ Ġesse, għaliex missier David, Ġesse, hu li jsaltan għal dejjem.

Meta l-Anġlu Gabrijel jkellem lil Marija u jgħidilha b’din il-ħaġa, b’dan il-proġett stramb ta’ Alla, ifakkarha li binha huwa dak li permezz tiegħu se sseħħ din il-wegħda magħmula lil David permezz tal-Profeta Natan.

Mhux aħna nibnu dar lil Alla. Ejjew inġibu eżempju bina l-Maltin u l-Għawdxin. Dawn l-aħħar 2,000 sena bnejna diversi djar u tempji fejn nqimu lil Alla. Din hija waħda minnhom, waħda mill-iżjed reċenti fil-qalba tal-Isptar Mater Dei. Fuqna għandna kurċifiss sabih li l-Kavallieri ġabu magħhom minn Rodi. Minn mindu ġew il-Kavallieri, dak il-kurċifiss dejjem kien fl-isptarijiet tagħna hawn Malta. L-ewwel kien fis-Sagra Infermerija, imbagħad kien fl-Isptar San Luqa, u llum qiegħed hawn. Nistgħu ngħidu dan hu l-kurċifiss tal-isptarijiet tagħna.

Fih hemm ukoll l-ikona ta’ kull marid għaliex fuq is-salib, dan ir-re mnissel minn David, mhuwiex biss dak li tgħabba bil-mard tagħna, imma kif fakkarna lilna nfusna fil-bidu ta’ din il-quddiesa, huwa wkoll it-tabib (ara Kolletta tal-Erbgħa tat-Tieni Ġimgħa tal-Avvent). Meta jmur Nazaret jgħidulu: “Tabib, fejjaq lilek innifsek l-ewwel, agħmel xi erba’ mirakli lilna li niġu minnek ħawn, rajnik tikber fostna”. Imma kienet iżjed pretensjoni għax niġu minnek, għax nafuk, forsi nafu wkoll xi ħmerija li għamilt inti u tikber.

Ġesù xtaq il-fidi tagħhom, imma din il-fidi x’inhi? Il-fidi hija li lill-Mulej tgħidlu li tixtieq tibnilu dar ġo qalbek, li tixtieq li jnaddafhielek.

Il-messaġġ li qed jaslilna llum fl-aħħar Ħadd qabel il-Milied huwa dan. Għal Alla biżżejjed nirrepetulu t-talba li għallimna San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Nixtieq kieku nibnilek b’għożża d-dar ta’ qalbi, id-dar tal-familja tiegħi. Imma inti Mulej, taf kemm hi diffiċli. Għalhekk, ħu ħsieb inti, ibnilna d-dar u l-Kelma tal-Mulej, li huwa marid u tabib, li llum se tasal għand kull wieħed u waħda minna hi din: toqgħodux tinkwetaw, jiena ġej fostkom biex nibnilkon id-dar li hija l-qalb nadifa, il-familja mimlija b’għożża, soċjetà fejn inħobbu tassew lil xulxin.

Aħna nafu li f’dawn iż-żminijiet ta’ pandemija, id-dar tas-saħħa tagħna jrid tassew jgħinna nibnuha fil-Mulej. Jekk kien hemm xi ħaġa li għallmitna l-pandemija l-ewwel nett hija kemm Alla berikna permezz tax-xjenza u tal-professjoni medika. It-tieni, kemm aħna dgħajfin. Tista’ tkun l-aqwa re, l-aqwa president tad-dinja, imma virus li ma jidhirx, ikiddek. F’dawn l-aħħar xhur f’dan l-isptar għaddew nies biex jagħmlu s-swab test, daħlu nies li kellhom bżonn jiġu akkumpanjati bil-marda. Uħud minnhom minn hawnhekk wassalnihom għad-difna. Din il-ħaġa ma nistgħux ninsewha, aħna u nistennew ’il dak li ġie fostna biex isalvana u biex ikun magħna.

Dan il-Milied ejjew niftħu l-qalb tagħna. It-talba tagħna tkun dik li qaltlu l-Madonna: “Jiena l-qaddejja tal-Mulej ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Ejjew niftħu l-qalb tagħna għal Ġesù li ġej biex isalvana u jfejjaqna. Imma mhux ħaġa ta’ maġija. Nagħmlu żball ma nagħmlu xejn bil-ħsieb li Ġesù se jfejjaqna xorta. Il-Mulej se jfejjaqna permezz tax-xjenza, permezz tal-għerf li jagħti lit-tobba tagħna, permezz tal-vaċċin li nħoloq permezz tal-għerf tax-xjenza. U jekk il-pandemija forsi ġibnieha b’idejna aħna l-bnedmin minn xi mkien ’l bogħod, issa rridu nxammru l-kmiem u kulħadd jagħmel il-parti tiegħu.

Din hija d-dar li nixtieq u nawgura li l-Mulej jgħinna nibnu għaliex aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna imma mbagħad dak kollu li jgħaqqadna, dak kollu li jġegħelna naħdmu flimkien, mhux awtomatiku, għandna bżonn l-għajnuna tiegħu biex inkunu tassew dar mibnija fuq l-għożża.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Sam 7, 1-5.8b-12.14a.16
Salm: 89 (89), 2-5.27.29
Qari II: Rum16, 25-27
Evanġelju: Lq 1, 26-38

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply