Il-festa tad-dawl


Il-Ħamis, 24 ta’ Diċembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan il-kantiku sabiħ li l-Knisja titlob kuljum ma’ sbieħ il-jum, huwa l-kantiku ta’ missier Ġwanni l-Battista, ta’ Żakkarija. Żakkarija hu missier Ġwanni.

L-isem stess Żakkarija jfisser ‘Alla jiftakar’. Aħna, mill-għerq ‘żakar’, minn fejn ġej l-isem Żakkarija, għandna biss iż-żokra li hija t-tifkira tal-omm tagħna. Minn hemmhekk ġej l-għerq tal-kelma żokra, li hija wkoll l-istess għerq tal-isem Żakkarija, li Alla jiftakar. Bħalma aħna niftakru fl-ommijiet tagħna meta nħarsu lejn iż-żokra, hekk ukoll l-isem ta’ missier Ġwanni jgħid li Alla jiftakar fina. Fil-fatt, hu stess jgħanni, b’xi mod anke b’ironja fuq ismu: “B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu” (Lq 1:72).

Imma rridu niftakru wkoll li l-ewwel qari ma jintagħażilx għal xejn. L-ewwel qari tal-lum smajnih ukoll il-Ħadd li għadda fejn hemm il-wegħda tal-Profeta Natan lil David li Alla se jibnilu dar (ara 2 Sam 7:11) u fil-fatt Żakkarija stess jgħid: “ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni f’dar David qaddej tiegħu” (Lq 1:69). L-għanja ta’ Żakkarija tfakkar il-wegħda lil David kif ukoll tfakkar il-wegħda lil Abraham.

Il-wegħda lil Abraham hija tant importanti li nsibuha wkoll fl-għanja ta’ Marija, fil-Magnificat, li ftakar fil-patt “u ftakar fil-ħniena tiegħu (Lq 1:54) għax Abraham huwa missierna fil-fidi. Ġesù stess meta jikber ifakkar lill-Fariżej li Abraham ra l-ġranet tiegħu u feraħ.

Aħna llum, lejlet il-Milied filgħodu, qegħdin infakkru għalhekk lil ‘żakar’, lil Żakkarija. Il-Mulej ma jinsiex il-wegħdiet tiegħu. Dan il-lejl qaddis tal-Milied li se niċċelebraw minn hawn u ftit sigħat oħra, iwettaq propju l-wegħdiet li kien għamel magħna l-Mulej li huma wegħdiet ta’ ħniena. Kemm Marija fil-Magnificat kif ukoll Żakkarija fl-innu li ngħidulu Benedictus, ifakkru l-ħniena tal-Mulej. “B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna” (Lq 1:72).

Niftakru wkoll li għalkemm lit-tifel ta’ Żakkarija u Eliżabetta riedu jsemmuh għal missier Żakkarija, Żakarija jiftakar fil-kelma tal-anġlu: “’L-Ibnek issemmih Ġwanni” (Lq 1:13), Johanan. Xi jfisser dan l-isem sabiħ ta’ min ħejja t-triq għall-Mulej Ġesù? Alla ħanin, Johanan, Alla ħanin.

Hekk nibdew nifirħu b’din il-ħniena kbira li għamel magħna l-Mulej: li jibgħat lil Ibnu bħax-xemx tiela’. F’dawn is-sigħat li ġejjin, meta nitolbu t-talb tal-Knisja, nifirħu bit-twelid tal-Mulej li “jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa” (Lq 1:78). Dawn huma l-ġranet fejn il-jum jibda jikber, ix-xemx tirbaħ fuq id-dlamijiet tal-lejl. Ir-Rumani kienu jagħmlu festa kbira għas-Sol Invictus, ix-xemx li ma tintrebaħx, u dan huwa l-oriġini tal-Milied. Din hija l-festa li aħna qegħdin niċċelebraw u fil-profeziji Ġesù, li skont Malakija, jissemma “x-xemx tal-ġustizzja” (Mal 3:20), il-Mulej huwa bħax-xemx tielgħa imma wkoll bħax-xemx ħierġa minn kamartu biex tiltaqa’ mal-umanità.

Għalhekk, minn hawn u ftit ieħor nilħqu l-qofol ta’ dik il-festa li hija wkoll festa tad-dawl, il-festa tar-rebħa tax-xemx fin-natura imma x-xemx hija xbieha tal-Mulej “li ġie jżurna bħax-xemx tielgħa” (Lq 1:78).

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.