Omelija fil-lejl tal-Milied mill-Isqof Anton Teuma

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 24 ta’ Diċembru 2020: Pontifikal Solenni tal-Lejl Qaddis tat-Twelid ta’ Sidna mmexxi mill-Isqof Anton Teuma. Katidral ta’ Għawdex.

Omelija tal-Lejl Qaddis tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu

Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 24 ta’ Diċembru 2020
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex

KIF JAĦSIBHA ALLA

Kif għadna kif smajna, l-anġlu lir-ragħajja jgħidilhom: “Ġejt nagħtikom aħbar ta’ ferħ, għax tweldilkom Salvatur”. Il-mistoqsija li tiġini llejla hija din: “Għandna bżonn Salvatur?”. Il-ferħ li qiegħed iħabbar l-anġlu llum ser imissni lili llum, Nisrani tas-sena 2020?

Iva, għandna tassew għax nifirħu, għandna bżonn Salvatur. Għax dak li hu ġenn għalina, għal Alla hu għerf u intelliġenza. Dak li hu dlam għalina, għal Alla huwa dawl. Dak li hu dgħufija għalina, għal Alla huwa qawwa.

Illum f’din il-ġrajja tal-Milied tibda l-istorja tal-Vanġelu, illi nsegwu matul is-sena liturġika kollha. U ħafna drabi din il-ġrajja turina kemm il-loġika u l-ħsibijiet ta’ Alla huma differenti mill-ħsibijiet tagħna, kemm it-toroq tiegħu huma mbegħdin minn tagħna.

Smajna l-introduzzjoni ta’ San Luqa: Ċesari Awgustu, Ċesari Ottavjanu, li fi żmienu sejjaħ lilu nnifsu, jew ġie msejjaħ mis-Senat, bħala ‘Awgustu’. X’jiġifieri? Alla. L-ewwel Imperatur ta’ Ruma li jsejjaħ lilu nnifsu ‘alla’. U bħal kull imperatur li jistħoqqlu l-isem, irid iżomm il-kontroll tal-art fejn jaħkem, tal-Imperu Ruman kollu. U x’jagħmel? Iċ-ċensiment. Iċ-ċensiment mhux għajr sinjal ta’ dan il-bniedem, Ċesari Ottavjanu, Awgustu divin, illi jsejjaħ lilu nnifsu alla, li jrid jitla’ ’l fuq iżjed minn dak li hu. Bħali, bħalek, bħalna: aħna wkoll irridu nilħqu, irridu nsiru, irridu nikbru, irridu naħkmu.

Għalfejn irid jagħmel ċensiment l-Imperatur Ruman? Għal żewg raġunijiet sempliċi: biex jgħodd l-irjus tan-nies, b’mod speċjali tal-irġiel, ħalli jkollu min jiġġelidlu fl-armata; u biex jgħodd l-irjus kollha, ħalli jkollu min iħallaslu t-taxxa. Dawn kienu ż-żewġ raġunijiet għalfejn kien isir ċensiment.

Min-naħa l-oħra għandna lil Alla, li ma joqgħodx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma jiċċekken u jsir bniedem, isir tarbija; u llejla nistgħu ngħidu li jsir biċċa ħobż. Alla li jagħżel l-iktar dgħajjef. Alla li jirraġuna u jimxi t-triq bil-maqlub ta’ kif nimxu aħna, ta’ kif jimxi l-bniedem. Hija aħbar li taħsadna: ibqgħu ċerti li qatt u qatt mhu ser inniżżluha għalkollox fil-fond tal-qalb tagħna. Dejjem ser nibqgħu nikkumbattu u niġġieldu magħha. Għax ġo fina hemm dak l-ego, dak il-jien li jrid jidher, li jrid iqum, li jrid jikkontrolla, li jrid ikollu l-poter fuq l-oħrajn, u dak mhux lakemm neqirduh mil-lum għal għada.

Imma fejn hu l-ħelsien f’dan kollu? Fejn hu l-ferħ f’dan kollu? Filli ma tkun xejn, il-ferħ? Filli tkun dgħajjef, il-ferħ? Fejn hu l-ħelsien? Għaliex l-anġlu jħabbar Salvatur, meta Alla jagħżel id-dgħufija?

Kieku jkollna ngħixuha din l-esperjenza tal-Vanġelu tal-lum, ibqgħu ċerti li tassew niksbu l-ħelsien, li tassew ngħixu l-ferħ. Għax fi kliem sempliċi l-Vanġelu llum qed jgħidilna: Liema hu dak id-dlam fik li jdejqek? Liema hu dak it-tifel li tistħi minnu, li għandek fil-familja, li tistħi għax għandek lilu jew li għandek lilha? Liema hi dik il-persuna li inti ma tridx? Liema hu dak id-difett fik li jħammarlek wiċċek?

Il-Vanġelu qed jgħidlek: Toqgħodx tinkwieta, ma għandekx għalfejn. Għax Alla għażel dik ir-rokna l-iktar dgħajfa ta’ ħajtek biex ikun preżenti fiha. Alla għażel li jkun fl-iktar dgħajjef. Alla għażel dak li inti tistmerr, dak li inti jdejqek, dak li inti tistinka l-ħin kollu biex tgħattih, dak li jeħodlok ħafna enerġija fil-ħajja biex turi mod ieħor, biex ma turihx għax tistħi minnu… anki l-istess d-dnub tiegħek.

“Alla sar dnub għalina” (ara 2 Kor 5:21), jgħidilna San Pawl. Allura l-ewwel u qabel kollox il-Vanġelu tal-lum jistiednek biex taċċetta lilek innifsek kif int; biex ma tinkwetax, ma tippreokkupax ruħek li trid tkun differenti minn dak li int. Għax Alla jħobbok kif int, fid-dgħufija tiegħek. Jekk inti jidhirlek li ma għandekx dgħufijiet, allura ma għandekx bżonn ta’ Salvatur. Jew forsi għandek bżonn tara lilek innifsek aħjar. Għax min hu perfett?

Il-problema tagħna l-bnedmin illum x’inhi? L-illużjoni li aħna nistgħu nsolvu l-problemi kollha tagħna, li bil-flus naslu kullimkien, li bil-flus nistgħu nagħmlu kollox. Forsi din is-sitwazzjoni li qegħdin ngħixu, tal-pandemija, qed turina li dan mhux minnu, li għandna l-limiti tagħna, li hemm dgħufijiet fina. Huma proprju dawk id-dgħufijiet l-aħjar art fejn jista’ jinżel is-Salvatur biex jagħtina l-ħelsien. Id-dgħufijiet tagħna huma r-rwol tagħna fil-Vanġelu. Għax jekk m’aħniex konxji mid-dgħufijiet tagħna, qatt m’aħna ser insejħu lil Alla “Maranatha” – “Ejja, Mulej Ġesù… ejja salvani, ejja għax għandi bżonnok”.

Imma jekk jien konxju mid-dgħufijiet tiegħi, minn dak li hu dgħajjef fija, kif jgħid San Pawl (ara 2 Kor 12:5), allura nagħmel wisa’ fija għall-qawwa ta’ Alla li teħlisni u ssalvani: Alla jista’ jkun Alla miegħi, Alla jista’ jkun l-‘Għimmanuel’ miegħi, sakemm jien nagħmillu wisa’ f’ħajti.

Iż-żewġ modi kif issalvana din it-Tarbija ta’ Betlehem huma dawn li ġejjin.

L-ewwel u qabel kollox, il-Mulej Ġesù, tarbija f’Betlehem, iqanqal f’kull wieħed u f’kull waħda minna dak li hu sabiħ, dak li hu tajjeb, dak li hu pożittiv. Iqanqal fina l-ħniena, l-imħabba. Meta tħares lejn tarbija, mingħajr ma trid, jekk tkun intunat u moħħok ikun jaħdem sew, inti tispiċċa biex tiggustaha. Dik it-tarbija toħroġ minnek l-isbaħ, l-aħjar; toħroġ minnek l-imħabba. Il-Mulej lili u lilek irid isalvana b’dan il-mod: billi joħroġ minna l-imħabba, il-pożittiv, lejn dak li hu l-iktar dgħajjef fina, lejn dawk li huma l-iktar dgħajfa madwarna. Dan huwa l-ewwel ħelsien li jagħtina l-Mulej.

It-tieni ħelsien huwa l-ħelsien mill-preokkupazzjonijiet, milli aħna nilħqu, milli aħna nkunu, li niġu stmati, li nkunu importanti, li jkollna valur. Għax l-anġlu lir-ragħajja llum qalilhom: “Tweldilkom Salvatur… tarbija mimduda f’maxtura” (Lq 2:11,12). Is-Salvatur huwa d-dgħufija, huwa l-aktar dgħajjef; biex jien u int ma nistħux la minna nfusna u lanqas mill-oħrajn meta niltaqgħu ma’ dgħufija tagħna. Biex lili u lilek id-dgħufija tagħna tfakkarna f’Alla li sar dgħajjef biex jerfgħana, biex itellagħna ’l fuq. Jien u int, meta niltaqgħu mad-dgħufija tal-oħrajn, minflok nippuntaw subgħajna, minflok niġġudikaw, minflok inwarrbu u noħolqu l-emarġinati, niftħu jdejna, moħħna u qalbna biex nilqgħuhom. Il-Mulej jagħtina l-grazzja li fil-ġrajja li qed niċċelebraw illum insibu l-vera paċi tal-qalb magħna nfusna, billi nilqgħu lilna nfusna u lill-oħrajn kif jilqagħna hu, bid-dgħufijiet u bid-difetti kollha.

Allura meta tmur id-dar, wara din l-Ewkaristija tal-lejla, iddeċiedi li tħobb iktar lil dik il-mara illi forsi bħalissa qiegħda ddejqek; li tħobb iktar lil dak it-tifel li forsi bħalissa qed iġiegħlek tistħi; li tħobb iktar lil dak il-ġenitur li forsi lilek ma takx daqskemm ta lil ħuk jew lil oħtok; li tħobb iktar lill-ġara jew lill-ġar li huma forsi meqjusin bħala l-persuni li mhumiex denji li jkunu fit-triq tiegħek.

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex jagħtina dawn l-għajnejn tiegħu: għajnejn li kapaċi jħarsu fil-bogħod, li kapaċi jħarsu lil hinn minn dak li hu n-normal, li jmorru fil-pereferija, ifittxu l-eċċezzjoni, ifittxu d-dgħajjef, ifittxu dak li għajnejja ma jarawx, anzi dak li għajnejja jridu jeħilsu minnu. Ejjew nitolbu lill-Mulej jagħtina l-għajnejn ta’ mħabba tiegħu, li kapaċi jerfgħu lill-batut, li kapaċi jilqgħu lid-dgħajjef, li kapaċi jgħinu lil min hu fil-bżonn.

Leave a Reply