Il-Papa jwissi kontra l-virus tal-‘individwaliżmu radikali’

Fil-messaġġ Urbi et Orbi annwali tiegħu, l-Papa Franġisku wissa kontra “l-virus tal-individwaliżmu radikali” u appella biex il-vaċċini ġodda kontra l-Covid-19 ikunu disponibbli għal kulħadd. Il-Qdusija Tiegħu enfasizza l-bżonn t’ aktar fraternità minn qatt qabel. “F’dan il-mument storiku, mmarkat mill-kriżi ekoloġika u minn żbilanċi ekonomiċi u soċjali serji, aggravati mill-pandemija tal-koronavirus, għandna bżonn ta’ fraternità aktar minn qatt qabel”.

Huwa qal li n-nazzjonaliżmu ma jistax jitħalla jipprevjeni n-nies milli jgħixu bħala familja umana. Lanqas ma nistgħu nħallu l-virus tal-individwaliżmu radikali jirbaħna u jagħmilna ndifferenti għat-tbatija t’ aħwa oħrajn. Ma nistax inpoġġi lili nnifsi quddiem ħaddieħor, billi npoġġi l-liġijiet tas-suq u l-privattivi tal-invenzjoni ‘l fuq mil-liġijiet tal-imħabba u s-saħħa umana. “Nitlob lil kulħadd: mexxejja tal-istat, negozji, lil organizzazzjonijiet internazzjonali, biex jippromwovu l-kooperazzjoni u mhux il-kompetizzjoni, u jfittxu soluzzjoni għal kulħadd: vaċċini għal kulħadd, speċjalment għall-aktar vulnerabbli u fil-bżonn fir-reġjuni kollha tal-pjaneta.”

Il-Papa kompla: “llum, f’dan iż-żmien ta’ dlam u nċertezza dwar il-pandemija, jidhru diversi dwal ta’ tama, bħala skoperti ta’ vaċċini. Iżda biex dawn id-dwal jixgħelu u jġibu tama lid-dinja kollha, għandhom ikunu disponibbli għal kulħadd”.

Il-Papa Franġisku tkellem ukoll dwar il-vittmi tal-gwerra, speċjalment it-tfal, u l-poplu tas-Sirja u l-Yazidis. “J’Alla t-tarbija ta’ Betlehem tagħti fraternità lill-art li ratha titwieled. J’Alla l-Iżraeljani u l-Palestinjani jirkupraw il-fiduċja reċiproka biex ifittxu paċi ġusta u dejjiema permezz ta’ djalogu dirett, li kapaċi jegħlbu l-vjolenza u jegħlbu r-riżentimenti endemiċi, biex jixhdu lid-dinja l-isbuħija tal-fraternità”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.thetablet.co.uk/news/13698/pope-warns-against-virus-of-radical-individualism-

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.