ITTRA LILL-POPLU TA’ ALLA TAL-E.T. MONS. ANTON TEUMA ISQOF TA’ GĦAWDEX

ID-DON TAS-SORIJIET KLARISSI
Għeżież ħuti saċerdoti, reliġjużi u lajċi Nsara,
Xi snin ilu, l-Isqof Mario Grech kien tħabat ħafna biex ikollna fid-Djoċesi tagħna s-Sorijiet kontemplattivi ta’ Santa Kjara. Il-Monasteru żgħir tagħhom ħdejn id-Dar ta’ Manresa fil-Belt Victoria kien post ta’ serħan u faraġ spiritwali għal ħafna. Il-preżenza tagħhom fostna kienet sejħa għal relazzjoni aktar awtentika ma’ Alla u eżempju ta’ komunikazzjoni kontinwa tal- moħħ u tal-qalb mal-Mulej fit-talb.
Ftit wara li ġejt imsejjaħ biex inkun Ragħaj ta’ din id-Djoċesi, is-Superjura flimkien ma’ xi sorijiet sejħuli biex jinfurmawni li minħabba raġunijiet li ma kellhomx kontroll fuqhom ma setgħux ikomplu din il-preżenza fiżika fostna. Qaluli wkoll li kienet deċiżjoni li kienu ilhom jimmaturaw għal dawn l-aħħar snin. Ngħid is-sewwa, din l-aħbar ħasditni, u tlabt li nieħdu aktar żmien biex nitolbu u nagħmlu dixxerniment biex nagħrfu flimkien dak li jixtieq il-Mulej minn din is-sitwazzjoni.
Wara xi żmien, is-sorijiet ikkonfermaw id-deċiżjoni tagħhom li jerġgħu jingħaqdu flimkien f’monasteru wieħed f’Malta. Kienet deċiżjoni diffiċli mhux biss għalina, imma wkoll għalihom.
Dan ifisser li d-Djoċesi tagħna, li hija mżejna b’diversi doni, issa jonqosha don partikulari u importanti: komunità li tgħix il-ħajja kontemplattiva. Il-ħajja tat-talb u tal-kontemplazzjoni hija l-esperjenza l-aktar ipprivileġġjata li permezz tagħha l-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla tista’ tkun preżenti fil-Knisja.
Biex irroddu ħajr lil Alla għad-don tal-preżenza tas-Sorijiet Klarissi fostna f’dawn l- aħħar snin, u biex inkomplu nitolbuh ħalli ma jħallix il-Knisja tagħna nieqsa minn dan id-don, ser tiġi ċċelebrata quddiesa fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu nhar il-Ħadd 24 ta’ Jannar 2021, fil-5.00pm. Għaliha huma mistiedna s-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-lajċi ħbieb tas-Sorijiet Klarissi.
Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria,
nhar il-Ħadd 3 ta’ Jannar 2021, Solennità tal-Epifanija tal-Mulej.
Anton Teuma
Isqof ta’ Għawdex
Mons. Salv Debrincat
Kanċillier