Insara maqtula kuljum


13-il Kristjan jinqatlu kuljum fid-dinja minħabba l-fidi tagħhom.

Kuljum, 13-il Kristjan madwar id-dinja jinqatlu minħabba l-fidi tagħhom, 12-il knisja jew bini Nisrani jiġu attakkati u 12-il Kristjan jiġu arrestati jew mixħutin fil-ħabs inġustament, filwaqt li 5 oħra jinħatfu. Dan ħareġ minn rapport annwali minn ‘Open Doors’, organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt, li turi l-persekuzzjoni qawwija li għaddejja kontra l-Insara, kif ukoll tgħin fit-talb u turi lil dawk li qed jiġu ppersegwitati li m’humiex minsija.

Fin-nazzjonijiet elenkati, r-rapport jgħid li hemm 309 miljun nisrani li qed jgħixu f’postijiet b’livelli ta’ persekuzzjoni ‘għoljin ħafna’, jew ‘estremi’. Mis-sena l-oħra l-hawn żdiedu madwar 49 miljun. Ir-rapport jgħid ukoll li nistgħu nżiedu 31 miljun oħra mill-24 nazzjoni li jaqgħu eżatt barra l-aqwa ħamsin – bħal Kuba, Sri Lanka u l-Emirati Għarab Magħquda. Jekk tagħmel naqra somom, dan ifisser li 1 minn 8 Nisrani madwar id-dinja qed jiffaċċja persekuzzjoni.

Ir-rapport isostni li l-Covid-19 aġixxa bħala katalista għall-persekuzzjoni reliġjuża permezz ta’ diskriminazzjoni ta’ għajnuna, konverżjonijiet sfurzati, u bħala ġustifikazzjoni għal sorveljanza w ċensura dejjem akbar. Fattur ieħor li qed iżid tbatija akbar għall-Insara jinstab f’attakki mill-estremisti fl-Sub-Saharian tal-Afrika, min-Niġerja u l-Kamerun sal-Burkina Faso, il-Mali u lil hinn.

Din is-sena, l-iktar 10 pajjiżi li fihom l-Insara jiġu ppersegwitati huma: Korea ta’ Fuq, l-Afganistan, Somalja, Libja, l-Pakistan, l-Eritrea, l-Jemen, l-Iran, in-Niġerja u l-Indja. Wara sitt snin, is-Sudan ma għadux mal-ewwel 10 pajjiżin, wara li abolixxa l-piena tal-mewt għall-apostasija u ggarantixxa l-libertà reliġjuża fil-Kostituzzjoni l-ġdida tiegħu wara tliet deċenji ta’ Liġi Iżlamika. Madankollu, għadu jinsab fit-13 il post, hekk kif riċerkaturi tal-Open Doors innutaw li l-Insara minn sfond Musulman għadhom jiffaċċjaw attakki, u diskriminazzjoni mill-familji w l-komunitajiet tagħhom, filwaqt li n-nisa Nsara qed jiffaċċjaw vjolenza sesswali.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-01/report-open-doors-christians-persecuted.html

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.