L-ebda bniedem u l-ebda setgħa ma jħassru d-dinjità tagħna

Il-Ħadd, 28 ta’ Frar 2021: Quddiesa tat-Tieni Ħadd tar-Randan bis-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tat-Trasfigurazzjoni fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’din il-mixja tar-Randan huwa ta’ pjaċir kbir għalija li nkun magħkom, għeżież residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, mal-uffiċjali, u mal-istaff. Insellem ukoll lill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri.

Għadna kemm bdejna ċ-ċelebrazzjoni tal-Griżma ta’ Simon, wieħed mir-residenti li bl-għajnuna tal-kappillan ta’ din il-faċilità korrettiva beda l-mixja biex illum jikkonferma l-fidi tiegħu f’Ġesù u jirċievi d-don tal-Ispirtu s-SantuId-don tal-Ispirtu s-Santu huwa d-don tal-imħabba. F’Għid il-Ħamsin, 50 wara jum l-Għid, aħna niċċelebraw dan id-don kbir. Imma llum Simon qiegħed jirċevih biex ikompli fil-mixja tiegħu bħala Nisrani, mixja li mhix faċli.

Lil Abraham, li huwa missier għalina l-Insara, missier fil-fidi għall-poplu Lhudi, missier ukoll fil-fidi għall-popli Islamiċi, lil Abraham Alla talbu lil ibnu stess. Għax hekk kienu jagħmlu l-allat foloz ta’ Kananea, ta’ Ur tal-Kaldej minn fejn kien ġie. In-nies kienu joffrulhom lil uliedhom. U Alla ried jittestjah. Inti tistmani daqskemm ħaddieħor jistma lil Alla tiegħu? U Abraham irrispondih b’żewġ kelmiet: “Hawn jien!” (Ġen 22:1). Alla tal-ħajjin ma riedx il-mewt ta’ Iżakk, tat-tifel ta’ Abraham. Qallu: “Rajt il-fidi tiegħek. Jiena ma rridtx il-mewt ta’ ibnek, irrid qalbek” (ara Ġen 22:12).

Imma San Pawl Missierna, fit-tieni qari li smajna, ifakkarna li meta Alla ried isalvana, tana lil Ibnu. Uriena qalbu u aħna lil Ibnu dendilnieh mal-għuda tas-salib. Alla tana lil Ibnu iżda lil Abraham qallu li lil ibnu ma jridux għaliex irid lil qalbu. Imma meta ġie biex isalvana, il-Mulej tana lil Ibnu Ġesù.

Illum lil Ġesù narawh sabih fuq il-Muntanja Tabor. Kull meta tirfsu f’din il-kappella nixtieqkom tħarsu lejn il-kwadru sabiħ li għandna fil-ħajt ta’ wara tal-kappella li jfakkarna fl-Evanġelju tal-lum meta Ġesù jiġi trasfigurat fuq il-muntanja. Quddiem it-tliet xhieda u dixxipli tiegħu Pietru, Ġakbu u Ġwanni, Ġesù jsir kollu dawl u miegħu jidhru fil-glorja Mosè u Elija, il-ġabra tal-għerf kollu tal-missirijiet tal-poplu Lhudi, il-Liġi u l-Profeti.

Fuq il-muntanja jinstema’ leħen il-Missier jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu” (Mk 9:7). Imma b’din il-kelma “dan hu ibni l-għażiż” Alla jgħidha fuq kull wieħed u waħda minna. Aħna min aħna, aħna wlied tiegħu, ulied l-istess Missier. Inti min int ftakar fil-kelma għażiża tal-Appostlu Missierna San Pawl: “Jekk Alla huwa magħna, min jista’ jkun kontra tagħna?” (Rum 8:31).

Imma llum jien nixtieq ngħidilkom, għeżież residenti, li Ġesù huwa dak li jidħol għalikom.

San Pawl juża verbi li forsi r-residenti huma iżjed midħla tagħhom. “Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla hu stess li jiġġustifikahom,” jiddikjara li huma ġusti, “Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet jew li qam mill-imwiet aħjar u li jinsab fuq il-lemin ta’ Alla?” (Rum 8:33-34). Ġesù mhux se jikkundannak, mhux se jakkużak. Hu se jidħol għalik. Ir-residenti ta’ din il-faċilità jgħiduli li huma ġew ikkunannati u akkużati u li issa qed iħallsu ta’ għemilhom. Imma llum jien nixtieq ngħidilkom, għeżież residenti, li Ġesù huwa dak li jidħol għalikom.

X’ġara fuq it-Tabor meta Ġesù tbiddel u sar kollu dawl? Il-qalb tiegħu, li huwa l-Iben ta’ Alla, dehret fil-glorja tagħha. Tant kienet qawwa kbira tal-glorja tiegħu li anke l-ilbies tiegħu sar ilellex. Fl-Evanġelju li smajna San Mark jgħidilna li l-ebda ħassiel ma jista’ jġibhom daqshekk sbieħ (Mk 9:3). Il-Mulej poġġa fil-qalb tiegħek, u f’ta’ kull wieħed u waħda minna, din ix-xrara li hija xrara ta’ mħabba. Tkun f’liema ċirkustanzi tkun, tkun f’liema ambjent tkun, tħallix tintefa’ ix-xrara ta’ mħabba u ta’ tama li Alla poġġa fil-qalb tiegħek. Ma jimpurtax billi birdet xi ftit, ħalli l-Ispirtu qaddis tal-Mulej jerġa’ jħeġġek bil-ħerqa għall-indiema u għat-tama. Tkun f’liema ċirkustanza tkun, id-dinjità tiegħek ma jisraqhielek ħadd. Anke jekk tħossok magħfus jew umiljat ftakar li inti maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla. U jekk l-Iben waħdieni, li llum sar bniedem jiddi fi sbuħija kbira, il-messaġġ li jrid jagħtina huwa li aħna wkoll, meta nkunu ħaġa waħda ma’ Ġesù, jiġri x’jiġri, inkunu kemm inkunu magħfusin, qatt ma nistgħu nitilfu li aħna wlied Alla. L-ebda bniedem, l-ebda setgħa ma jħassru d-dinjità tagħna.

F’din il-mixja tar-Randan, it-Tieni Ħadd jgħallimna li qegħdin fit-triq li twassalna biex inħaddnu s-sbuħija f’ħajjitna. Dan il-Ħadd, it-Tieni Ħadd tar-Randan, ifakkarna fil-ġmiel ta’ Ġesù, u jneħħi minn quddiemna l-iskandlu u l-biża’ tat-tbatija għall-imħabba u tas-salib. Il-kelma tiegħi lil kull min qiegħed jismagħna llum huwa messaġġ ta’ tama. Fuq il-Muntanja Tabor il-Mulej jiddi fis-sbuħija tiegħu.

…tinsa qatt: Alla jħobbok.

Se jasal il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira meta jakkużawh u jikkundannawh, jaqtgħuhielu għall-mewt, isalbuh, u jmut għalina. Imma fit-tielet jum iqum mill-imwiet. Tgħiduli imma dan xi jkun? Aħna wkoll nistaqsu l-mistoqsija tad-dixxipli: “Imma xi tkun tqum mill-imwiet?” (Mk 9:10). Huwa li l-Mulej, wara din il-ħajja, se jħaddnek fit-tgħanniqa tal-ħniena tiegħu, u jwasslek fl-imħabba tiegħu għal dejjem. Imma l-Mulej iħobbok mil-lum. Tinsewhiex din il-ħaġa. Jekk Alla jħobbok, jistgħu jgħidu x’jgħidu u jista’ jiġri minnek id-dulluvju ta’ turmenti u ta’ tbatija, tinsa qatt: Alla jħobbok.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 22:1-2,9a,10-13,15-18
Salm: 115(116):10,15-19
Qari II: Rum 8:31b-34
Evanġelju: Mk 9:2-10

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply