Il-veru mustaċċun!

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ħadd 31 ta’ Jannar 2020 iċċelebrajna b’ferħ kbir il-festa tal-qaddis San Ġwann Bosco (1815-1888). Uħud jieħdu qatgħa jekk issemmilhom il-kelma qaddis! Għax, għalihom, dan ifisser li l-qaddis hu xi ħadd antikwat, kollu għanqbud, riġidu u qatt ma jfendi tbissima! Għax, mingħalih, jaħseb li b’hekk se jagħti qima mill-aqwa lill-Mulej! Miskin! Miskina!

Imma ħbieb, kemm sejjer u sejra żmerċ bil-bosta min jaħseb hekk! Għax, u għall-kuntrarju, il-qaddis hu, l-ewwel nett, midneb kbir! U biċ-ċertifikat! Jaf li hu dgħajjef u dgħajfa! Imma, minflok ma jintefa’ fuq Facebook biex issa jgħajjar u jaqla’ l-ħama ta’ dak imbagħad izekzek  fuq l-oħra u jitkaża biha għal ma nafx kemm-il darba, almenu ikollu l-gazz u l-famuża umiltà li jara qrunu! Joffrih lill-Mulej u jħalli lill-Mulej ibidillu qrunu f’barka kbira għalih u għal ta’ madwaru. Il-qaddis hu dak li jintelaq kollu kemm hu f’dirgħajn il-Mulej, jammetti li hu midneb u jħalli lill-Mulej iqaddsu billi jaqalgħu mis-sigħat twal ta’ ħela fuq Facebook u l-Internet u jibgħatu naqra jakkumpanja lin-nies fil-bżonn. L-aktar lill-morda tal-ġisem, tal-moħħ u tar-ruħ!

U, Don Bosco, kien wieħed minnhom. F’soċjetà u fi Knisja fejn il-qassisin kienu maqtugħin minn nies, u imsakkra fi djarhom u fid-dinja tagħhom, Don Bosco kellu l-kuraġġ li joħroġ mill-fosdqa tiegħu. Ra x’kien qed isir madwaru, induna bil-qagħda kritika tas-sitwazzjonijiet li ra b’għajnejh u miss b’idejh, iffaċċjahom, studjahom u għamel deċiżjonijiet kuraġġużi fuqhom. Liema deċiżjonijiet ġabuh f’sitwazzjonijiet tassew ta’ periklu. Tant li darba mhux biss qalu li kien bla roti f’moħħu imma saħansitra ippruvaw jitfgħuh fi sptar mentali.

Don Bosco hu qaddis kbir l-għaliex ħaseb fejn kien se joħloq familja. U kien jara x’jivvinta biex lit-tfal u ż-żgħażagħ, li kien jieħu ħsieb, joffrilhom ambjent mill-isbaħ ta’ ferħ u protezzjoni. Ma kienx wieħed li titmejjel bih tafux għax kont tgħid: “U iva! Dan il-qassis fidil!” Naħseb li aktar kien fidil min kien jagħmlu hekk. Imma Don Bosco kien qassis ta’ veru l-għaliex kien iħobb billi jħeġġeġ u, fejn hemm bżonn, iżomm ir-riedni wkoll. Inkella, bil-ħlewwa biss nimirdu bid-dijabete sieħbi. Waqt li bil-frosta minn filgħodu sa filgħaxija niġu agħar mill-annimali! 

Dan il-qaddis kellu waħda veru tajba: minkejja r-ruxxmata diffikultajiet li kellu jħabbat wiċċu magħhom ta’ kuljum dejjem kien ferħan. Kien magħruf ħafna għal kemm kien jilqa’ bil-ħlewwa lin-nies li kienu jiġu s’għandu. Mela ma kellux seba’ mitt sena sakemm ifittex ibewwiġhom ‘il barra għala ħanżira jew inkella, għax tawh iċ-ċans jistudja naqra, itellaqhom minn quddiemu bl-ingwanti tal-ħarir! Don Bosco kien qassis ta’ veru l-għaliex, minkejja d-diffikultajiet li kien iħabbat wiċċu magħhom, baqa’ għaddej qisu mhux hu! Kien mitluq f’idejn il-Mulej Ġesù u Marija Ommna!

M’għandniex xi ngħidu, dan wettqu mhux sempliċiment l-għaliex kien pożittiv jew għax kien iffissat jew laqgħi tal-pożittività mingħajr sisien ta’ xejn. Nerġa’ infakkarhom: Don Bosco ma kienx fidil. Kien għaqli fuq li għaqli! Ġurdien xiħ għal Kristu u mhux biex javvanza fil-karriera. L-għalhekk, ta’ bniedem ta’ sinsla li kien, fittex li jsejjes kollox fuq il-Mulej u mhux fuq is-sentimenti li, f’radda ta’ salib, aqta’ kif jinbidlu fl-eħrex tradimenti! Wara li min jaf kemm minn taħt ikun hemm ilmenti! Allura sieħbi, nies bħal dawn għandna bżonn iduru ma’saqajna! Hi x’inhi s-sejħa tagħna fil-Knisja u s-soċjetà. Għax Don Bosco sejjes il-ġibda tiegħu li jħobb, bħalma għandek int u jien fina, fuq Ġesù fl-Ewkaristija, fuq il-Madonna u anki fl-imħabba tiegħu lejn il-Papa. Għax, anki jekk għandi kemm għandi kariżmi, jekk inkun fi gwerra kontra l-Papa illum jew għada nista’ inżarma. Ma ninsewx: fl-għaqda hemm is-saħħa! Mela, inkunu ħaġa waħda mal-Knisja. Anki dik il-Knisja li tidneb, tiżbalja, tfixkel, timxi bl-uċuh u bl-istatus, insomma, li timxi bil-mod u bis-sulluzzu. Imma f’idejha fada lilu nnifsu s-Sinjur tagħna Ġesù Kristu! Intant …

Meta nara ftit x’kiteb u x’qal Don Bosco nara bniedem mimli għerf kbir tal-ħajja. Għalhekk, illum, waqt li qed nieħdu naqra tè jew kafè u nqarmċu dik il-kisra ħobż mixwija tal-Malti jew, ħa, u għal kapriċċ, xi żewġ pastizzi sħan u tajbin, tajjeb li nfendu xi tagħlim milli għaddielna l-Mulej b’Ġanni Bosco!

Mingħajr il-kunfidenza u l-imħabba, m’hemmx il-vera edukazzjoni. Jekk trid li tkun maħbub … trid tħobb lilek innifsek, u trid iġġiegħel lill-uliedek iħossu li int tħobbhom. Kemm-il darba iltqajt ma’ stejjer f’dan l-imbierek sptar ta’ ulied li qaluli: Issa Missieri qalli li jħobbni! Waqt li qiegħed jieħu l-aħħar nifsijiet! Le ħi! Dan mhux lant jaħasra! ISSA l-mument li lill-uliedi nuriehom kemm inħobbhom! U mhux meta nkun taħt it-trab! U ħa ngħidlek sieħbi: meta lil uliedi nuriehom dik l-affezzjoni lili nnifsi nkun qed inħobb tafx! Tinsix! Ħadd ma ġie maħluq biex jidfen fih innifsu dak li jħoss! Anzi! Dak li nħossu rridu ngħadduh. Nifimha li hemm mod u mod. Imma rridu ngħadduh inkella se joqtolna ħajjin!

L-iskola ma kinitx l-għan imma l-mezz biex ittejjeb il-mod ta’ ħajja. Għalhekk hu meħtieġ fuq li meħtieġ li l-iskejjel statali, tal-Knisja u privati jkunu f’updating mode ħalli jrawmu lil uliedna f’dak li qed jiġri. Imma dan hu biss l-ewwel pass. Inkella, jekk lil uliedna nippreżentawlhom biss ruxxmata informazzjoni u nħalluhom magħha, bla sapport ta’ xejn, aqta’ kif nitilfuhom! Irridu ngħinuhom jiddixxernu. Jiġifieri, li jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin, l-aktar tajjeb mit-tajjeb u l-aħjar minn aktar tajjeb. Irridu ngħinuhom jimxu fuq il-valuri minkejja l-pressjoni u l-bumbardamenti li jkollhom biex isewgu lil oħrajn bħan-nagħaġ ta’ Bendu. Din hi l-vera edukazzjoni!

Don Bosco kien jgħid ukoll: Jekk wieħed irid iwettaq it-tajjeb għandu jkollu ftit kuraġġ, ikun lest għas-sagrifiċċju, jittratta bi ħlewwa ma’ kulħadd u qatt ma joffendi lil ħadd. Meta imxejt ma’ dan il-metodu dejjem kelli suċċess mhux żgħir, fil-fatt, suċċess kbir. Tabilħaqq interessanti dak li qed jgħid l-Ispirtu s-Santu permezz ta’ San Ġwann Bosco! Min minna ma jridx li jħalli l-Mulej jagħmel il-ġid bih u biha? Trid tkun miġnun u miġnuna biex ma tridx! Imma hemm bżonn ħafna għaqal! Il-kuraġġ hu importanti! Ħalli ma ninġarrux mill-qtiegħ ta’ qalb li nħossu sforz il-biża’ ta’ ġo fina u l-bsaten fir-roti li jagħmlulna dawk ta’ madwarna. Anki l-ħlewwa trid tkun. Is-salvaġġ qatt ma għamel salvataġġ! Il-ġid isir meta ma noffendu lil ħadd. Apposta użajt il-kelma noffendu u mhux inweġġgħu. Din il-kelma żelqa. U jekk nużawha ħafna malajr nitħawdu u nħawdu biex nerġgħu nitħawdu. Għaliex? Għax hawn min tagħmillu l-ġid u xorta jħossu mweġġa’. Immaġina lil xi ħadd tgħidlu kelma għal ġid tiegħu u minn fuq joħodha kontrik. Bil-kelma li għedtlu weġġa’. Imma l-weġgħa tiegħu ma tfissirx li tkun offendejtu. Anzi! Int tkun għamiltlu l-ġid. Hu weġġa’ l-għaliex ma aċċettax il-kelma mediċinali li għedtlu. Għalhekk, ejjew nieqfu nużaw il-kelma nweġġgħu li mhux dejjem tgħid il-verità imma nużaw, minflokha, il-kelma noffendu. Fejn ir-responsabbiltà qiegħdha fl-għemil ta’ min jagħmlu u mhux fl-interpretazzjoni, li ġieli tkun qarrieqa kemm tridha, ta’ min jirċevih.

Kien iħobb jgħid liż-żgħażagħ: Aġixxi llum b’tali mod li ma jkollox għalfejn tistħi għada. Tgħid din il-biċċa għerf għaż-żgħażagħ biss tgħodd? Jew anki għalina? Li, minkejja li għadda daqshekk żmien minn fuqna, uħud minna jridu jilgħabuha, sakemm jitqanżħu, ta’ tfalijiet u ġuvintur ta’ tnax, tlettax, erbatax, ħmistax u sittax-il sena? Ejjew nieqfu nġibu ħemel skużi biex ma ninbidlux. Dak li qed jgħidilna Don Bosco hu għaqal kbir! Irrid li għada pitgħada nkun nixtieq li tinfetaħ bokka fl-art u tiblagħni bil-mistħija? Żgur li le! Mela dan l-għemil jew it-tip ta’ mġieba ejja naħrabha ISSA!

Tippostponix it-tajjeb li tista’ tagħmel illum. Għada jista’ ma jkollokx ċans.  Issa tagħna! Għada jaf ikun tard wisq! Mela, ejja ma nittratenix aktar! Il-ġid li l-Mulej irid jagħmel bija ħa nħallih jagħmlu ILLUM.

Ħa nieqaf hawn ħbieb! Imma taqblu miegħi li l-għerf li l-Mulej żejjen bih lil Don Bosco hu tabilħaqq kbir! U, għal dan l-għerf, kif tista’ ma tgħidx fuq Don Bosco l-veru mustaċċun?

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: