Paternità f’isem Ġesù. Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

It-Tlieta, 2 ta’ Marzu 2021: Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlieta tat-Tieni Ġimgħa tar-Randan. Kappella tal-Kurja, Floriana.

“Nitolbu biex kull min fil-Knisja hu msejjaħ ikollu l-paternità f’isem Ġesù, iħaddimha bħala servizz” – L-Arċisqof

Ġesù għandu kliem iebes lejn min juża r-reliġjon — fil-każ tagħna l-Knisja — bħala sellum ta’ rikonoxximent. Meta nisimgħu lill-Papa Franġiksu, ħafna drabi nifhmu eżattament x’jrid jgħid Ġesù. Il-Papa għandu allerġija għal min jinqeda bil-Knisja biex jilħaq. Il-kelma ‘jinqeda’ hija kelma kemmxejn iebsa imma l-Papa ġieli jużaha.

Ġesù, bil-ħarsa ħanina imma għarfa tiegħu, iħares lejn uħud mill-Kittieba u l-Fariżej u jara din il-marda, dan il-virus tal-ambizzjoni, il-virus tal-għatx għar-rikonoxximent. Hija ambizzjoni li fl-aħħar mill-aħħar minflok tkun ta’ servizz, tippretendi li ħaddieħor jaqdi lilek.

Dan kollu jfakkarna wkoll f’xi ħaġa li Ġesù jgħid fl-Evanġelju ta’ San Mark: “Bin il-Bniedemma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-kotra”. Dan għandu jkun l-ispirtu ta’ min ikun ta’ servizz fil-komunità. Ġesù stess jitkellem dwar is-sintomi ta’ din il-marda meta aħna nehdew bil-ġmiemel, bil-postijiet ta’ quddiem, bit-tislim u bit-titli. Dan mhux biss individwalment imma anke bħala komunitajiet. Ma nkunux qegħdin eżattament nifhmu x’inhu l-Evanġelju ta’ Ġesù.

Ġesù wkoll jinsisti li l-paternità fil-Knisja ġejja mill-Missier li hu fis-sema. Meta jgħid “tħallu lil ħadd isejħilhom rabbi, missier, mexxej” (ara Mt 23:8-10) qiegħed jifhem li dan it-titlu donnu jfisser li xi ħadd huwa l-għerq jew l-għajn tat-tagħlim vera, li xi ħadd huwa l-missier ta’ kulħadd, li l-paternità mhux ta’ Alla imma ta’ dak li jkun, li l-mexxej mhuwiex se jisma’ lil Ġesù imma jiddeċiedi hu minn rasu.

Ġesù jinsisti li l-paternità spiritwali fil-Knisja ġejja minnu u mill-Missier. Infatti, meta lil Xmun Pietru jafdalu l-merħla bħala ragħaj, jistaqsih: “‘Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?’ ‘Iva, Mulej,’ wieġbu, ‘int taf li nħobbok’”. “Irgħa l-merħla tiegħi” (ara Ġw 21:16-18). Xmun Pietru jsir ir-ragħaj, isir il-mexxej tal-merħla, dak li jgħallem, u jkollu d-don tal-paternità spiritwali imma Ġesù jfakkru li dan kollu jirreferi għal Alla l-Missier, u jirreferi għalih bħala il-veru mexxej tagħna.

“Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom” (Mt 23:11). Illum, nibda minni nnifsi, nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba l-awtorità ma tkunx servizz fil-Knisja. L-awtorità neċessarja għall-ordni u għad-dixxiplina imma neċessarja wkoll għall-qadi tal-aħwa. Anke għaliex, jekk aħna għandna Missier li hu fis-smewwiet, allura aħna lkoll aħwa.

“L-imgħallem tagħkom wieħed hu u intom ilkoll aħwa” (Mt 23:8). Din l-espressjoni ta’ Ġesù tfakkarna fl-enċiklika soċjali l-ġdida tal-Papa Franġisku Fratelli Tutti. Il-Papa jinsisti li aħna lkoll aħwa u wlied l-istess Missier. San Pawl Missierna stess jgħidilna li m’għandniex ħafna missirijiet imma li hu nissilna fil-fidi. Lil San Pawl aħna nsejħulu ‘Missierna’, Missierna San Pawl, imma din l-paternità tiegħu hija bħall-paternità ta’ Abraham — li huwa wkoll imsejjaħ missierna fil-fidi — li ġejja kollha minn Alla.

Aħna wkoll nitolbu għall-misssirijet ta’ din id-dinja, għal dawk li rabbewna, li ġabuna fid-dinja, li tawna l-ħajja. Il-paternità tagħhom hija don tal-Mulej li fl-għaqda tal-imħabba jiġġenera l-ħajja ġdida u fl-għożża tal-imħabba jeduka u jwassal lill-ulied għall-maturità. Jekk aħna nħarsu lejn il-missirijiet tad-dinja, aħna li aħna missirijiet spiritwali, għandna ħafna x’nitgħallmu. Ma naħsibx li hawn xi missier li joħroġ jippretendi li se jsellmulu għax missier; joħroġ għax-xogħol, joħroġ għall-professjoni tiegħu u l-hena tiegħu hu li jkun ta’ servizz għal uliedu. Nitolbu biex kull min fil-Knisja hu msejjaħ ikollu l-paternità f’isem Ġesù, iħaddimha bħala servizz.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Leave a Reply