Lezzjoni II: San Ċirillu ta’ Ġerusalemm

18 ta’ Marzu: SAN ĊIRILLU TA’ ĠERUSALEMM

ISQOF U DUTTUR TAL-KNISJA

TIFKIRA

San Ċirillu ta’ Ġerusalemm twieled fis-sena 315 minn ġenituri nsara; fis-sena 348 sar isqof ta’ Ġerusalemm wara Massimu. Tħabat kontra l-Arjani, u kellu jduq l-eżilju aktar minn darba. Xhieda tal-ħeġġa pastorali tiegħu huma d-diskorsi li ħalla, li bihom lill-fidili kien ifissrilhom id-duttrina t-tajba, l-Iskrittura Mqaddsa u t-Tradizzjonijiet. Miet fis-sena 386. Fl-1882 il-Papa Ljun XIII iddikjarah duttur tal-Knisja.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI

Qari mill-Katekeżi ta’ San Cirillu, isqof ta’ Ġerusalemm

(Catech, 3:1—3)

Tħejjew bħal għamara safja għall-Ispirtu s-Santu

Ħa jifirħu s-Smewwiet u tithenna l-art minħabba dawk li se jkunu mraxxa bl-issopo u jitnaddfu bl-issopo spiritwali bil-qawwa ta’ dak li fil-passjoni tiegħu tawh jixrob permezz ta’ qasba ta’ l-issopo. Ħa jifirħu l-eżerċti tas-sema; ħa jitħejjew l-erwieħ li se jingħaqdu mal-għarus tagħhom. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:Ħejju t-triq tal-Mulej.

Intom li ssejjaħtu għas-sewwa, agħtu widen għal Ġwanni li jwissikom u jgħid: Iddrittaw il-mogħdija tal-Mulej. Warrbu kull xkiel ju tfixkil, biex timxu dritt għall-ħajja ta’ dejjem. Ħejju rwieħkom b’fidi sinċiera, biex tkunu għamara safja u tilqgħu l-Ispirtu s-Santu fikom. Aħslu lbieskom fl-indiema u kunu ndaf, għax l-Għarus sejħilkom f’kamartu.

Dan l-Għarus isejjaħ lil kulħadd, ma jħarisx lejn l-uċuh; għax il-grazzja li jagħti b’idejh miftuħa hi kbira. Mal-għajta tax-xandara tiegħu kulħadd jinġabar; hu mbagħad jagħżel lil dawk li jkunu se jidħlu għall-festa tat-tieġ, li hi xbieha tal-magħmudija.

Qisu mela li issa ħadd minn dawk li taw isimhom ma jisma’: Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għallfesta?

Jalla kull wieħed minnkom jisma’: Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdalek ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.

Intom sal-lum kontu toqogħdu barra mill-bieb; jalla issa kull wieħed minnkom ikun jista’ jgħid: Is-sultan daħħalni f ’kamartu. Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, għax hu libbisni b’iIbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarus imżejjen b’kuruna, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.

Mela biex ir-ruħ tagħkom ilkoll tkun tinsab bla tebgħa jew tikmixa u xejn minn dan ma ngħidilkomx, qabel ma tirċievu l-grazzja (għax kif jista’ jkun dan, jekk intom issejjaħtu għall-maħfra tad-dnubiet?), imma wara li tirċievu l-grazzja, qisu li żżommu l-kuxjenza tagħkom safja, ħalli l-grazzja taħdem fikom.

Għax il-grazzja li se tirċievu hi ħaġa kbira, ħuti, u jeħtieġ tersqu għaliha b’attenzjoni speċjali. Ħa jieqaf, mela, kull wieħed minnkom quddiem Alla, imdawwar b’eluf u eluf ta’ eżerċti ta’ anġli. L-Ispirtu s-Santu se jimmarkakom bis-siġill tiegħu, se tintagħżlu suldati tas- Sultan il-Kbir.

Ħejju ruħkom, mela, u tqassmu, mhux għax libsin libsa wiesgħa u bajda silġ, imma għax tafu sewwa b’liema tjieba għandkom tersqu.

RESPONSORJU                                                                    Salm:88(89):22

1. Kellu f’fommu tagħlim is-sewwa, u ebda ħażen ma nstablu fuq xufftejh: * Bis-sliem u r-reqqa mexa miegħi, jgħid il-Mulej.

2. Tkun idi dejjem miegħu,” u nsaħħu wkoll bi driegħi. * Bis-sliem u r-reqqa mexa miegħi, jgħid il-Mulej.

Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum

Ant. tal-kant. ta Żakkarija Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ’l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.

Talba

O Alla, permezz ta’ l-isqof San Ċirillu inti tajt għajnuna tal-għaġeb lill-Knisja tiegħek biex tifhem aħjar il-misteru tas-salvazzjoni; agħmel li, bit-talb tiegħu, aħna nagħrfu dejjem iżjed lil Ibnek biex ikollna l-ħajja bil-kotra. B’Ibnek.