Is-Salib tal-Gran Mastru

Print Friendly, PDF & Email

Iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, nista’ liberament ngħid li sar it-tieni dar tiegħi. Dan l-għaliex mhux biss, bħala Patri Kapuċċin, l-espressjoni ewlenija tiegħi hi li naħdem mal-morda u dawk fil-ħabs, imma wkoll l-għaliex jien stess, bħalma ħafna jafu diġà, ninsab imġarrab minn kundizzjoni onkoloġika fil-mudullun. Għalhekk, u bil-grazzja tal-Mulej, altru nistax nifhem fuq li nifhem x’jgħaddu minnu dawn ħuti! X’jaf ħuti minn ma ġarrabx!

Issa, f’din id-dar, għalkemm hi kbira mhux ħażin, kulħadd jibda’ isir familja. U x’jgħaqqad lill-familja jekk mhux l-ikla? Hu għalhekk li, fir-reparti tal-isptar kollha, ibda’ mis-swali u spiċċa f’postijiet oħra, issir kull ġimgħa ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Xi grazzja grazzjun hi din ħbieb! Issa, milhux, wara l-quddiesa, persuna ġiet ħdejn l-artal u ippreżentatli dan il-Kurċifiss. Qaltli, minn taħt l-ilsien, għax tħobb veru lil Ġesù u mhux biex tiffanfra: Patri, Dan biex tpoġġih fuq l-altar għal meta tqaddes il-quddiesa kulfejn tkun.

Bqajt imbellaħ x’ħin urietni l-Kurċifiss. Kemm hu sabiħ! L-ewwel nett dan il-Kurċifiss jagħtini togħma barokka għall-aħħar! Almenu f’għajnejja! U, tant kemm dan il-barokk deher jispikka f’dan il-Kurċifiss li, xi Ħadd ġewwa fija, dlonk qalli: Laqqmu s-Salib tal-Gran Mastru! U veru ħbieb! Għax, lil dan is-Salib, għax hekk se nibda’ insejjħalu skont kif għallimni Dak li jgħammar fil-ġewwieni tiegħi, nistħajlu qiegħed mhux quddiem sempliċi Patri Kapuċċin waqt il-quddiesa imma fuq l-iskrivanija jew il-kommodina tal-Gran Mastru Pintu, Perellos, Verdalle, De Vilhena, Wignacourt u l-bqija! Imma l-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi! Għax hekk għoġobha l-Providenza Divina!

Issa, kull darba li nħares lejh, ma stajtx ma niftakarx f’kompożituri kbar barokki. Forsi, l-aktar biċċa mużika li nħossha qiegħdha fl-isfond ta’ dan is-salib hi dik ta’ Giovanni Battista Pergolesi, Stabat Mater. Ta’ min jgħid li din il-biċċa mużika mill-isbaħ għas-solisti sopran u alto, b’dak il-vjolin u bil-basso continuo ta’ cello u orgni, Pergolesi ikkomponieha fl-aħħar ġimgħat ta’ ħajtu.

Is-sbuħija u l-maestà ta’ dan is-Salib tal-għaġeb! U, f’dik il-glorja kollha li l-Imsallab jinsab fiha fuq dan is-Salib, u b’dak ġismu hekk sabiħ u fin, ħaġa ninnota: Anki għala barokka Ġesù jibqa’ iħobb! U, tant kemm iħobb li jibqa’ jgħallem! Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu (Lq 23,46). Tassew ngħidlek, illum tkun fil-ġenna miegħi(Lq 23:43). Mara, hawn hu ibnek. Hawn hi ommok(Ġw 19, 26-27). Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”(Mt. 27: 48). Għandi l-għatx! (Ġw 19:28). Kollox mitmun! (Ġw 19: 30). Missier, f’idejk jien nerħi ruħi (Lq 23:46).

X’għalliem kbir dan! Gran Mastru! Għalhekk, is-Salib tal-Gran Mastru!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: