Lezzjoni II: San Anselmu

Print Friendly, PDF & Email

21 ta’ April: SAN ANSELMU, ISQOF U DUTTUR TAL-KNISJA

Tifkira

San Anselmu twieled f’Aosta, Piemonte, fl-1033. Daħal Benedittin fil-monasteru ta’ Le Bec, Franza, għallem it-teoloġija lil ħutu r-reliġjużi, u ħabrek ħafna biex jimxi ’l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni. Mar l-Ingilterra, u għażluh isqof ta’ Canterbury. Tqabad b’ħila kbira għal-libertà tal-Knisja u kellu jara l-eżilju darbtejn. Kien kittieb għaref ta’ ħafna opri, mimlijin b’teoloġija mistika. Miet fl-1109.

LEZZJONI II

Qari mill-‘Proslogion’ tal-isqof San Anselmu

(Cap. 14, 16, 26)

Nagħrfek, inħobbok, u nithenna bik

Ruħi, sibt lil min kont tfittex? Kont tfittex ’1 Alla u sibt li hu ogħla minn kollox u li ma hemm  ħadd aqwa minnu, għaliex ħu ħajja, dawl, għerf, u tjieba, għaliex hu hena ta’ dejjem u hena bla tmiem, għaliex hu dejjem u f’kull imkien.

Mulej, Alla tiegħi, int ħlaqtni u fdejtni: għid lil ruħi, li tant tixtieqek, x’int aktar minn dak li tara fik, biex tara ċar dak li tixtieq. Ruħi tgħarrex biex tara aħjar u ma tara xejn aktar minn dak li tista’ tara ħlief dlamijiet; anzi ma tarax dlamijiet, għax fik m’hemmx dlamijiet, imma tintebaħ li ma tistax tara aktar minn dlamijietha.

Dan hu tassew, Mulej, id-dawl li fih int tgħammar, dawl li aħna qatt ma nistgħu naraw, għax ma hawn xejn li jista’ jofroq dan id-dawl biex fih jarak. Jien, dan id-dawl ma narahx, għaliex qawwi wisq għalija, għalkemm, kull ma nara, bih narah, bħalma għajn marida, dak li tara, tarah bid-dawl tax-xemx, għalkemm lejn ix-xemx ma tiflaħx tħares.

L-intelliġenza tiegħi ma twassalx għal dan id-dawl: jiddi żżejjed u għalhekk ma tiflaħx għalih; l-għajn tar-ruħ ma tiflaħx tħares lejh fit-tul. Id-dija tiegħu tgħammex l-għajn ta’ ruħi, il-qawwa tiegħu tegħlibha, il-kobor tiegħu jaħkimha, il-milja tiegħu tifxilha.

O dawl tal-għaġeb, li ħarsitna ma tiflaħx għalih! 0 verità sħiħa u hienja! Kemm inti ’l bogħod minni u jiena qrib lejk! Kemm ’il bogħod minnek il-ħarsa tiegħi, u jiena dejjem quddiemek! Int tinsab kullimkien u jiena ma narakx! Fik nimxi u fik jien, iżda ma nistax nersaq lejk! Int fija u madwari, u jiena ma nintebaħx bik!

Nitlob, o Alla, li nagħrfek, inħobbok, ingawdik. U jekk dan ma jistax iseħħ għalkollox f’din il-ħajja, ħa nimxi ’l quddiem sa ma nilħaq il-perfezzjoni! Ħa nagħrfek dejjem aktar f’din id-dinja biex nasal għat-tagħrif sħiħ tiegħek fis-sema! Ħa tikber fija mħabbtek biex tilħaq il-milja tagħha fil-ġenna!

Agħmel li, hawn fid-dinja, l-hena tiegħi jkun kbir fit-tama biex imbagħad fis-sema jilħaq tassew il-kobor kollu tiegħu.

Mulej, int b’Ibnek tordnalna, anzi aħjar, twissina biex nitolbu, u twegħidna li naqilgħu dak li nitolbu biex l-hena tagħna jkun sħiħ. Nitolbok mela, Mulej, dak li tissuġġerilna nitolbu permezz tal-kunsillier tagħna tal-għaġeb. Jiena naf li se naqla’ dak li twiegħed permezz tal-verità tiegħek, biex l-hena tiegħi jkun sħiħ.

O Alla veru, nitolbok: ħa naqla’ dak li nitlob, biex l-hena tiegħi jkun sħiħ!

U sadattant naħseb fuqek u nitkellem fuqek; qalbi tħobbok u fommi jxandrek; ruħi tixtieqek u ġismi bil-għatx għalik. Nixtieqek b’qalbi kollha sa ma nidħol fl-hena tiegħek, Mulej, Alla wieħed fi Tliet Persuni. Tkun imbierek għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

RESPONSORJU

1. Dan hu Anselmu, mgħallem magħruf, imrawwem minn Lanfrank: missier maħbub mir-reliġjużi tiegħu, intgħażel biex ikun isqof, * U b’ħila kbira tqabad għal-libert tal-Knisja, hallelujah.

2. Mhux qaddejja imma ħielsa  hi l-Għarusa ta’ Kristu, kien jgħid Anselmu bla biża’ * U b’ħila kbira tqabad għall-libertà tal-Knisja, hallelujah.

Talba

O Alla, int żejjint bil-grazzja tiegħek lill-isqof San Anselmu biex ifittex u jgħallem il-ħwejjeġ għolja ta’ l-għerf tiegħek; agħmel li d-dehen tagħna jsib fil-fidi mqaddsa l-għajnuna meħtieġa biex nilqgħu minn qalbna u bil-ħlewwa dak kollu li int tridna nemmnu. B’Ibnek.

%d