Lezzjoni II: San Ġorġ

Print Friendly, PDF & Email

23 ta’ April: SAN ĠORĠ, MARTRI

Tifkira (f’ Għawdex O)

San Ġorġ tawh il-martirju fis-sena 303. Sa mis-seklu 4 kien ġa miqjum f ’Diospoli jew Lidda fil-Palestina, fejn kien hemm knisja dedikata f’ismu. It-tifkira tiegħu ilha ssir f’Ruma sa mis-sena 683, u l-kult tiegħu hu mxerred sewwa fost l-insara kollha tal-Lvant u l-Punent.

LEZZJONI II

Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Pietru Damiani

(Sermo 3, De Sancto Georgio)

Twettaq bis-sinjal tas-salib

Għeżież, il-festa tal-lum hi marbuta mal-ferħ u l-glorja tal-Għid, qisha ħaġra prezzjuża tleqq li bi ġmielha tkompli ssebbaħ id-deheb li tkun ingastata fih. San Ġorġ għadda minn eżerċtu għal ieħor; huwa ħalla d-dinjità ta’ uffiċċjal tal-art u daħal fl-eżerċtu nisrani. Bħala suldat tassew qalbieni, huwa ta kull ma kellu lil-foqra biex jeħles mill-piż tal-ġid tad-dinja, u hekk, ħafif u bla xkiel, libes il-korazza tal-fidi, u bil-ħeġġa kollha nxteħet f’nofs it-taqtigħa bħala gwerrier ta’ Kristu.

Minn dan nitgħallmu sewwa li min jibża’ jinfired mill-ġid tal-art ma jistax jissielet u jiddefendi l-fidi bil-qawwa u kif imiss.

San Ġorġ tħeġġeġ bin-nar tal-Ispirtu s-Santu u b’mod tal-għaġeb twettaq bis-sinjal tas-salib; hekk daħal għat-taqbida kontra sultan ħażin biex jirbaħ lill-prinċep tal-ħżiena kollha fil-qaddej tiegħu, u biex jagħmel il-qalb lis-suldati ta’ Kristu ħa jissaraw b’ħilithom kollha.

Il-mexxej il-kbir li ma jidhirx kien għajnejh fuqu. Huwa għoġbu jħalli l-idejn tal-ħżiena jaħqruh; imma jekk ta ġisem il-martri tiegħu f’idejn qattiela, huwa żamm lil ruħu fil-fortizza qawwija tal-fidi, u ma waqafx iħarsu bid-driegħ setgħani tiegħu.

Inħarsu, ħuti għeżież, lejn dan is-suldat tal-eżerċtu tas-sema, mhux biss biex nistagħġbu bih imma wkoll biex insiru nixbhuh; nerfgħu l-ispirtu tagħna lejn il-premju u l-glorja tas-sema, indawwru l-għajnejn ta’ qalbna ’l hemm fuq, biex ma nħallux lid-dinja ċċaqlaqna, la bil-ħlewwa u ż-żegħil tagħha, lanqas bit-tehdid u l-korla tagħha għalina.

Nitnaddfu minn kull tidnis tal-ġisem u r-ruħ, kif jgħidilna Pawlu, biex ’il quddiem  ikun jistħoqqilna nidħlu f’dak it-tempju hieni li l-ħarsa spiritwali tagħna hija mwaħħla fih.

Min irid joffri lilu nnifsu b’sagrifiċċju lil Alla fit-tempju ta’ Kristu, li hu l-Knisja, jeħtieġ li, wara li jkun inħasel bl-ilma tal-għajn qaddisa, jilbes l-ilbies tal-ħafna virtujiet, kif tgħid, l-Iskrittura: Jilbsu l-ġustizzja l-qassisin tiegħek, biex min jitwieled mill-ġdid fi Kristu bil-magħmudija u jsir bniedem ġdid, ma jibqax iħalli fuqu lbies li juri l-mewt imma jinża ’ mill-bniedem il-qadim u jilbes il-ġdid, u jgħix bil-ħerqa kollha f‘dan it-tiġdid permezż ta’ ħajja safja.

Nitnaddfu, mela, mill-ħmieġ tal-imgħoddi midneb tagħna u niżżejnu bid-dija tal-ħajja l-ġdida, biex jistħoqqilna niċċelebraw il-misteru tal-Għid, u hekk insiru nixbhu tassew lill-qaddisin martri.

RESPONSORJU

1. Dan il-qaddis tqabad sal-mewt għal-liġi ta’ Alla tiegħu, u ma beżax mit-tehddid tal-ħżiena: * Għax kien mibni fuq il-blat, hallelujah.

2. Huwa maqdar il-ħajja tad-dinja u kiseb is-saltna tas-sema. * Għax kien mibni fuq il-blat, hallelujah.

Talba

Infaħħruk, Mulej, għall-kobor tas-setgħa tiegħek, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex aħna, bnedmin dgħajfa, ikollna dejjem l-għajnuna f’waqtha ta’ San Ġorġ, li fil-martirju tiegħu sar jixbah lil Ibnek Ġesu Kristu Sidna, li hu Alla.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading