Ikun magħna fir-ring!

Print Friendly, PDF & Email

Aħna ninsabu f’ring tal-boxing. Din kienet sentenza li darba smajt mingħand eżorċista, psikologu u teologu. Mela, mhux xi ħaġa li ħarġet minn zniet ċikku l-poplu iżda xi ħaġa li kienet ġejja minn xi ħadd li jaf tajjeb x’inhu jgħid!

Ninsabu f’ring. Diġà l-idea ta’ ring, ta’ post li ma nistgħux noħorġu minnu, taf tbeżżagħna mhux ftit. Għax, dan ifisser li dejjem għandna niġġieldu. Ħallieha li l-boxers, wara r-round tagħhom ta’ tliet minuti għall-irġiel u żewġ minuti għan-nisa, jieqfu ħa jistrieħu. Qabel jerġgħu imorru lura fiċ-ċentru tar-ring wara dik id-Ding! Ding! Ding! Ħa jiġġieldu! Almenu, dawn il-povri, anki jekk uħud minnhom ikunu miljunarji bil-bosta u lanqas biss jkunu jafu x’se jaqbdu jagħmlu bi flushom, jistrieħu ftit wara r-round. Imma, int u jien, nistgħu nistrieħu fil-ġlieda li għaddejja minnha ħajjitna? Nistgħu jkollna mument ta’ kwiet? Li hu kwiet?

Personalment ma kinitx ħafifa għalija li naċċetta li ħajti hi ġlieda. Anki jekk jien Patri Nisrani Kattoliku madankollu qatt ma stajt naċċetta ir-rejaltà li l-ħajja hi ġlieda. Kont naħseb li n-nies jaħsbuha bħali, li jħallu lil oħrajn jgħixu ħajjithom bil-mod kif jistgħu u ħaddieħor iħalli lilhom. Kont naħseb li jagħtuhom spazju, iħobbuhom u jirrispettawhom għal dak li huma. Hekk kont naħseb. Sakemm il-Mulej laqqagħni ma’ xebgħa dimonji fin-nies li jridu jaħkmu, ikissru l-libertà ta’ ħaddieħor, jgħaffġulhom il-fama għax joqgħodu jgħidu kontriehom minn wara daharhom, jgħiru għalihom daqs is-seba’ pesti, u jagħmlu ħsara li twaħħax. Nies li, l-għaliex huma stess qegħdin fi kriżijiet serji f’ħajjithom, il-mard u l-ħażen ta’ ġo fihom jirremettuh fuq l-oħrajn. U, imsieken, ikunu nies li, daqskemm jgħiru, ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu bihom infushom.

Imma possibbli hawn dawn it-tip ta’ nies mas-saqajn? Possibbli li l-familji tagħna għandhom dawn in-nies? Possibbli li, saħansitra, fil-Knisja u fil-kunventi hawn minnhom dawn? Li jagħmlu biżibilju ħsara kulfejn jersqu? Possibbli ħabib! Għax, int bħali, u jien bħalek, inġarrbuhom lil dawn in-nies! Jew aħjar, inġarrbu l-ispirti ħżiena li hemm jiġru fihom! Daqskemm ukoll li ġieli, ħaddieħor, iġarrab l-ispirti ħżiena li hemm iduru fina stess!

Ma nafx għalfejn għandna għax noħduha bi kbira b’diskors bħal dan. Għax impossibbli li naħarbuh! Ġieli lanqas biss tkun taf kif ikun qam argument. U lanqas biss tkun taf kif iqum il-paroli. Dan biżżejjed persuna tbexxaq bieb moħħha għax-xitan tat-tfesfis. U x’jiġri ħbieb? Jiġri li tqum gwerra gwerrun. Li ħaġa tiġi nkullata ma’ oħra b’għaġla nkredibbli. U, jaħasra, minflok li persuna toqgħod bi kwieta sakemm jikkalmaw l-affarijiet, le, ma tarax, tkun trid turi kemm hu raġel u kemm hi mara! Trid tagħti r-risposta! Ħalli fuq l-istonku tagħha ma jkollha xejn! U, jaħasra, nibqgħu nduru fl-istess ħama u ħmieġ!

Dan biex ma nsemmix ukoll il-problemi li jinqalgħu fil-ħajja ta’ mard, nuqqas ta’ saħħa, diżgrazzji u miljun elf ħaġa oħra li, fil-verità, ma jkollniex kontroll fuqhom. Il-punt tiegħi hu wieħed ħbieb: ħajja waħda għandna! U tgħaddi malajr! Xbajt nara nies jinżlu fil-ħofra ta’ età pjuttost żgħira quddiemi! U, minkejja dan kollu, uħud għadhom jgħixu l-ħajja bla sens ta’ għira, ħdura, mibegħda, tnassis, ħakma, poter u x’ma nafx jien. Minbarra l-fatt li dawn l-imġibiet huma kriminali u b’liġi għandhom jiġu ikkontrollati b’sentenzi ta’ ħabs, ir-rejaltà hi li l-ħajja qed taħarbilna ġmielha. Mela, l-għaliex qed ngħadduha f’ħafna konflitti bla sens biex imbagħad, wara li jgħaddi kollox, naraw kemm konna żbaljati?

Qatt ma ninsa l-kelma profetika li Ġesù kien tani meta kont mort inżuru fil-Polonja, fis-Santwarju tiegħu tal-Ħniena Divina ġewwa Krakovja. Fil-karta li kont għażilt minn mazz ħelu li kienet ippreżentatli s-soru minn tagħna kemm tridha, tal-istess Kongregazzjoni ta’ Santa Fawstina. F’dak il-biljett tal-biljetti hekk kien hemm miktub għalija, dan il-kliem tad-deheb u li ma jitħassar qatt:

Dejjem issielet b’konvinzjoni soda li Jiena qiegħed miegħek. Timxix skont ma tħoss, għax dan mhux dejjem ikun taħt il-kontroll tiegħek; il-mertu kollu jinsab fir-rieda. … Minix ser nilludik bi prospetti ta’ paċi u konsolazzjonijiet; għall-kuntrarju, hejji ruħek għal battalji kbar. Kun af li issa inti tinsab fuq palk kbir fejn is-sema u l-art kollha qegħdin iħarsu lejk. Issielet bħal kavallier, sabiex Jiena nkun nista’ nippremjak. Toqgħodx tibża’ bla bżonn, għax m’intix waħdek. (Djaru, 1760).

Dan il-kliem mhux qed ngħidu jien, Patri Mario, midneb, imma l-Qaddis tal-qaddisin, Alla-Bniedem, Ġesù Kristu nnifsu! Ħajjitna hi taqbida! Irridu nissieltulha! Irridu niġru jew niżfnu fuq dak ir-ring! M’għandniex minfejn naħarbu! U kontra x-xjaten fina u fin-nies li qegħdin noħduha tafux! Kontra spirti qawwija! Mela, din it-taqbida mhu taċ-ċajt xejn! Anzi! Hi serja u serja ħafna! Biżżejjed naraw ftit il-ħerba li għandna fil-familji, fil-komunitajiet, fil-Knisja u fid-dinja biex naraw ftit il-qawwa qerrieda ta’ din il-qawwa.

Imma, u għall-grazzja tal-Mulej, din hi parti mill-istorja. Hemm it-tieni parti u l-aktar waħda importanti tagħha. Ġesù jgħidilna: Jiena qiegħed miegħek. Tafu min hu dan il-Jiena? Dan mhux xi paċpaċi imma Dak li l-kelma tiegħu torbot. Dan mhux xi għajjur imma d-Don fih innifsu. Dan mhux in-nassas imma l-Awtur tal-Paċi. Dan mhux il-qaddej u l-qaddejja tal-firda imma l-istess Għaqda li sar bniedem għalik u għalija biex idaħħalna fis-Saltna ta’ Missieru daqskemm iħobbna. Dan mhux xi għadu li jippreżenta ruħu ta’ ħabib, ġieli anki ta’ bniedem ‘spiritwali’, imma hu Ħuna l-Kbir li ta ħajtu fuq is-salib u għadu jagħtiha f’kull quddiesa li titqaddes. Dan hu li qiegħed magħna!

Ejjew nagħmlu kuraġġ! Għax huwa Hu li jagħtina r-rieda li niġġieldu! Huwa hu li jħejjina għal battalji kbar! Huwa hu li jagħmilna tabilħaqq kavallieri tas-sewwa, li hu Hu! Huwa hu li jagħtina l-kuraġġ u jagħmilna qalbiena ħa nibqgħu niġġieldu sal-aħħar! Huwa hu li jneħħilna l-biża bil-preżenza tiegħU magħna fuq ir-ring!

Meta tkun ħa taqta’ qalbek mur mill-ewwel għall-Kurunella tal-Ħniena Divina u dritt itlobha f’dak il-ħin stess! Tibżax! Bi ħnientU Ġesù jimlik bil-qawwa ħalli fik jirbaħ il-biża’ li hemm fik u fija. ĦnientU tittrijonfna fina fuq ir-ring! Nawguralek f’Jum il-Festa tal-Ħniena Divina ta’ nhar il-Ħadd li ġej!

ĠESÙ JIENA NAFDA FIK!

Fr Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: