Lezzjoni II: San Marċellinu u San Pietru

2 ta’ Ġunju: SAN MARĊELLINU U SAN PIETRU, MARTRI

TIFKIRA

Is-saċerdot San Marċellinu u l-eżorċista San Pietru ħadu l-martirju fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu fil-bidu tar-raba’ seklu; ta’ dan għandna x-xhieda tal-Papa San Damasu, li sar jaf b’mewthom mingħand il-bojja tagħhom. Sofrew qtugħ ir-ras f’xi foresta, u mbagħad difnuhom fiċ-ċimiterju Ad duas lauros f’Via Labicana, Ruma; aktar tard inbniet bażilka fuq il-qabar tagħhom. Isimhom insibuh fil-Kanone Ruman.

LEZZJONI II

Qari mit-Tħeġġiġ għall-martirju, ta’ Oriġene, saċerdot

(Exhort ad mart. 41-42)

Ma’ Kristu fit-tbatija, miegħu wkoll fil-faraġ

Aħna nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja, għax ma konniex nemmnu, u issa sirna nemmnu. Mela mhux għaġeb li d-dinja tobgħodna. Min baqa’ fil-mewt u ma għaddiex mill-mewt għall-ħajja ma jistax iħobb lil dawk li ħarġu mid-dar mudlama tal-mewt, biex ngħid hekk, u daħlu fid-dar ta’ dawl il-ħajja, mibnija b’ġebel ħaj.

Ġesu ta ħajtu għalina; aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna, ma ngħidx għalih, imma għalina, jew aħjar, għal dawk li jieħdu eżempju tajjeb mill-martirju

tagħna.

Nisrani ħija, aħna għandna biex niftaħru. L-Appostlu jgħid: Mhux dan biss, imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġgib is-sabar, is-sabar iġib ilprova, u l-prova ġġib it-tama; u t-tama ma tqarraqx bina. U dan, għax l-imħabba f Alla ssawbet fina bl-Ispirtu s-Santu.

Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta Kristu, hekk ukoll permezz ta Kristu joktor fina l-faraġ. Ladarba hu hekk, ejjew nilqgħu s-sofferenzi ta’ Kristu b’ħeġġa kbira, u nħalluhom joktru fina jekk nixtiequ li fina joktor ukoll l-faraġ imwiegħed lil dawk li jibku. Forsi mhux kulħadd jitfarraġ l-istess, imma skond kemm wieħed ikollu sofferenzi, għax kieku ma kienx jikteb: Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta Kristu, hekk ukoll joktor fina l-faraġ.

Min jaqsam ma ’ Kristu fis-sofferenzi, jaqsam miegħu wkoll fil-faraġ, skond il-qjies tal-istess sofferenzi. Hekk jgħallimkom dak li b’fiduċja kbira qalilkom: Kif intom għandkom sehem mis-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu magħna l-faraġ.

Alla permezz tal-profeta jgħid: Fiż-żmien it-tajjeb smajtek, fjum is-salvazzjoni għentek. U liema żmien hu iktar tajjeb minn dak li fih, minħabba r-rabta ta’ mħabba tagħna ma’ Alla fi Kristu, nimxu f‘din l-art imdawrin bl-għases qisna f’ purċissjoni, u jeħduna aktar rebbieħa milli mirbuħa?

Flimkien ma’ Kristu, il-martri tiegħu jneżżgħu l-prinċipati u s-setgħat u jġibu r-rebħa fuqhom, biex kif issieħbu miegħu fis-sofferenzi hekk ukoll jieħdu sehem miegħu fil-qawwa li wera. U għalhekk, liema hu jum is-salvazzjoni jekk mhux dak li bih tgħaddu għall-ħajja l-oħra b’dan il-mod?

Imma, nitlobkom, tagħmlu xejn li jista’ jkun ta’ tfixkil, lil ħadd, biex il-ministeru tagħna ma jaqax fl-għajb. F’kollox qisu rwieħkom bħala ministri ta’ Alla, bis-sabar  kollu, u għidu: U issa, Mulej Sidi, x’jien nistenna? Fik biss hija t-tama tiegħi.

RESPONSORJU                                                                                Ef 6:12. 14a; 13

1. Il-ġlieda tagħna m’hijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-setgħat u l-qawwiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’; * Zommu sħiħ, mela, ħażżmu ġenbejkom bis-sewwa, hallelujah.

2. Ħudu fuqkom l-armatura ta’ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen u żżommu weqfin. * Zommu sħiħ mela, ħażżmu ġenbejkom bis-sewwa, hallelujah.

Talba

O Alla, inti turina mħabbtek u tħarisna għall-merti tax-xhieda glorjuża li tawk il-martri San Marċellinu u San Pietru; agħmel li aħna nimxu fuq l-eżempji li tawna

u nħossu l-għajnuna tat-talb tagħhom. B’Ibnek.