Lezzjoni II: Santu Wistin ta’ Canterbury

27 ta’ Mejju: SANTU WISTIN TA’ CANTERBURY, ISQOF

TIFKIRA

Mill-monasteru ta’ Sant’Andrija f’Ruma l-Papa San Girgor il-Kbir fis-sena 596 bagħat lil Santu Wistin l-Ingilterra flimkien ma’ xi 30 raħeb mill-istess monasteru biex ixandru l-Evanġelju. Huma waslu fil-gżira ta’ Thanet, fis-saltna ta’ Etelbertu, re ta’ Kent, li tgħammed f’Għid il-Ħamsin tas-sena 597. Wistin sar isqof ta’ Canterbury u bis-saħħa tiegħu ħafna ħaddnu l-fidi. Miet fis-26 ta’ Mejju għall-ħabta tas-sena 605.

LEZZJONI II

Qari mill-Ittri tal-Papa San Girgor il-Kbir

 (Lib. 11:36)

U-poplu Ingliż imtela bid-dawl tal-fidi mqaddsa

Glorja l’Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin ta rieda tajba, għax dak li xebbah lilu nnifsu mal-ħabba tal-qamħ, li waqgħet fl-art u mietet, ma riedx isaltan waħdu fis-sema. Aħna ngħixu bil-mewt tiegħu, nissaħħu bil-mard tiegħu, bit-tbatija tiegħu neħilsu mit-tbatija tagħna. Għall-imħabba tiegħu fittixna aħwa oħra fl-Ingilterra li ma konniex nafuhom, u bil-grazzja tiegħu sibna lil dawk li fittixna bla ma nafuhom.

Min jista’ jfisser il-ferħ li bih imtliet il-qalb ta’ kull nisrani għal din l-aħbar? Bil-grazzja ta’ Alla li jista’ kollox u bit-tħabrik tiegħek, għażiż ħija, il-poplu Ingliż ħeles mid-dlamijiet tal-qerq u mtela bid-dawl tal-fidi mqaddsa; b’rieda l-iżjed safja qiegħed issa jirfes fuq dawk l-idoli li kienu jżommuh taħt il-biża’ fieragħ tagħhom; b’qalb nadifa nxteħet f’riġlejn Alla li jista’ kollox; ħalla l-għemil ħażin u ntrabat li jħares it-tagħlim tal-predikazzjoni mqaddsa; niżżel rasu għall-preċetti ta’ Alla u għolla dehnu; iċċekken sal-art fit-talb biex l-ispirtu tiegħu ma jitmegħikx mal-art. Ta’ min hi din il-ħidma jekk mhux ta’ dak li qal: Missieri għadu jaħdem s’issa; mela naħdem jien ukoll!

Huwa għażel nies bla tagħlim u bagħathom ixandruh fid-dinja; b’hekk ried juri li d-dinja ddur lejn Alla mhux bis-saħħa tal-għerf tal-bnedmin imma bil-qawwa tiegħu. Hekk għamel issa, għaliex fil-poplu Ingliż għoġbu jagħmel ħwejjeġ ta’ qawwa permezz ta’ bnedmin dgħajfa. Għażiż ħija, id-don li tak Alla jmissu jimliek bil-ferħ, imma wkoll għandu jnissel fik biża’ kbir.

Jiena naf li Alla li jista’ kollox, bl-imħabba tiegħek għall-poplu li ried jagħżel, qiegħed jagħmel ħwejjeġ kbar tal-għaġeb. Għalhekk jinħtieġlek tifraħ bil-biża’ u tibża’ bil-ferħ għal dan l-istess don tas-sema; jiġifieri, tifraħ għax, b’dawn l-għeġubijiet li jidhru, l-Ingliżi qegħdin jinġibdu għall-grazzja li ma tidhirx; imma wkoll tibża’, biex ma jiġrilikx li, fost dawn is-sinjali li qegħdin isiru, in-natura dgħajfa tiegħek ta’ bniedem tibda titkabbar biħa nfisha, u dak li minn barra jgħolliha fil-ġieħ iwaqqagħha minn ġewwa bil-frugħa tad-dinja.

Għax għandna niftakru wkoll li meta d-dixxipli reġgħu lura ferħana mill-predikazzjoni u qalu lill-Imgħallem divin: Mulej, ukoll ix-xjaten joqogħdu għalina minħabba f ’ismek, hu minnufih weġibhom u qal: Mhux b’dan ifirħu, imma ifirħu għax għandkom ismijietkom miktuba fis-smewwiet.

RESPONSORJU                                                                    Fil. 3:17; 4:9; 1Kor l:10a

1. Ħuti, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skond L-eżempju li rajtu fina: * U kull ma tgħallimtu u ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina, dan agħmlu; u Alla

tas-sliem ikun magħkom, hallelujah.

2. Nitlobkom, f’isem Sidna Ġesu Kristu, biex tkunu taqblu lkoll bejnietkom. * U kull ma tgħallimtu u ħadtu mingħandna u smajtu u rajtu fina, dan agħmluh; u Alla tas-sliem ikun magħkom, hallelujah.

Talba

O Alla, int wassalt il-poplu Ingliż għall-Evanġelju bil-predikazzjoni tal-isqof Santu Wistin: agħmel li l-Knisja tiegħek tibqa’ dejjem tistagħna bil-frott tal-ħidma u t-tħabrik tiegħu. B’Ibnek.