François Mauriac – “F’daqqa waħda”

FRANÇOIS MAURIAC – “F’DAQQA WAĦDA”

F’dik il-lejla tal-1928 François Mauriac ħassu dgħajjef għall-aħħar. Għalkemm kien mexa ’l quddiem ġmielu fil-kamp letterarju, kien iħoss li l-Knisja kienet qed tgħejjih, fi żmien meta l-klima legalista kienet tirrenja u skont Mauriac kienet qed iċċajpar l-ispirtu tal-Vanġelu.

François Mauriac 1885-1970

Mauriac kien daq id-dillerju tal-fama, tal-qligħ tal-flus faċli u tad-dinja vvelenata ta’ Pariġi fis-snin deskritti bħala snin ta’ ġenn. Kienu jiġuh waqtiet ta’ ħsibijiet imħawda kif jesprimi fil-kitbiet tiegħu. Il-waħx tal-ewwel gwerra dinjija u l-isfiduċja fis-sens tal-ħajja komplew jqawwu fih din il-kriżi. Ġieh xi żmien meta kien jiddibatti dwar il-qawwa  tal-grazzja u sa wasal biex fl-artiklu famuż fir-Rivista Ġdida Franċiża dwar Is-Sofferenzi tan-Nisrani jiddikjara li t-triq wara Kristu hi impossibbli biex timxiha.

Trobbija Puritana

François Mauriac twieled fl-1885 f’Bordeaux, fi Franza, fi ħdan familja tat-tajjeb. Missieru, li kien bankier, miet meta François kellu biss tmintax-il xahar u ħalla lil martu b’ħamest itfal li l-iżgħar fosthom kien François. It-tifel kiber f’dinja magħluqa taħt il-ħarsien ta’ ommu,  Kattolika skrupluża, u ġie mrobbi wkoll min-nanna tiegħu, mara magħġuna mill-Ġanseniżmu, moviment rigoruż li kien jisħaq fuq il-kunċett tal-predestinazzjoni. Tgħallem fi skola mmexxija mill-Marjaniti, reliġjużi nisa li  kienu huma wkoll iħaddnu spiritwalità awstera.

Din it-trobbija Puritana nisslet fi François il-konflitt li jsemmi Santu Wistin bejn l-ispirtu u l-laħam, sakemm skopra l-kitbiet ta’ Blaise Pascal (1623-62)  li salvawlu l-fidi proprju meta kienet qed tiġi influwenzata mill-Moderniżmu. François intrabat mal-Vanġelu u mal-persuna ta’ Kristu imma fl-istess ħin wera relazzjoni kritika lejn il-Knisja. “Kieku m’emmintx li l-Knisja rċeviet il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem,” jgħid Mauriac, “kont inwarrab ħafna kapitli mill-istorja tagħha.” Mistoqsija li kienet tfixklu kienet: “Għaliex mhux kulħadd irċieva l-grazzja?” Dan kien rifless fit-turment tal-karattri fir-rumanzi tiegħu. Kienet tfixklu wkoll il-mistoqsija: “X’nafu dwar il-grazzja li ngħatat lil kull wieħed minna… Ġiet aċċettata jew rifjutata?”

Mauriac jgħid li bata ħafna minn Kristjanità li kienet orjentata lejn ir-rispett għar-regoli aktar milli lejn il-libertà li tista’ ġġib l-imħabba. Imma b’mod straordinarju baqa’ mdawwal mill-Ewwel Tqarbina tiegħu u bil-mod il-mod għamel l-esperjenza ta’ laqgħa personali ma’ Ġesù. Ġesù sar ifisser ħafna għalih, hekk li x-xogħol letterarju tiegħu hu ċċentrat fuq l-intimità ma’ Ġesù. ’Il quddiem Mauriac ingħaqad mal-moviment soċjaliKristjan Sillon, imwaqqaf minn Marc Sangnier (1873-1950)  bħala alternattiva għall-Marxiżmu.

Il-lejla li biddlitu

Mauriac għadda minn kriżi spiritwali segwita mill-konverżjoni fl-1928. Jirrakkonta: “F’daqqa waħda nżilt b’sabta għarkupptejja, bħal imbuttat minn forza li ma nafx x’inhi,

maħkum minn ċertu ferħ li daħal fija.” Muriac aċċetta li jħalli lilu nnifsu jkun maħbub minn Ġesù. Minn hemm ’il quddiem qiegħed il-kitbiet tiegħu taħt il-ħarsa ta’ Kristu kollu ħniena. Qatt ma waqaf milli jġedded l-istqarrija tal-fidi tiegħu, li ġabar f’dan il- kliem: “Nemmen li jien kont maħbub kif kont, maħbub kif jien u kif tridni qalbi li nkun, kif tiggudikani u kif tikkundannani.” Iddeċieda li jkompli fejn ħalla b’Is-Sofferenzi tan-Nisrani b’rakkont mimli tama, Il-Ferħ tan-Nisrani, fejn jiftaħ qalbu dwar l-imħabba tiegħu lejn l-Ewkaristija. Fil-ktieb Anguish and Joy of Christian Life, iddeċieda li jkompli fejn ħalla b’rakkont mimli tama fejn jiftaħ qalbu dwar l-imħabba tiegħu lejn l-Ewkaristija.

“Kien hawn,” kiteb Muriac, “f’dak  il-ħin eżatt wara l-Quddiesa, li ħassejtni hekk ferħan li ma bdejt noħlom li nagħmel xejn ħlief inqabbad in-nar kif kienet tagħmel ommi malli tiġi lura mill-Quddiesa. L-għeżież tagħna li ħallewna erġajt  rajthom ilkoll. Tgħid kienu ferħanin bħali? M’iniex se nfittex il-konsolazzjoni. L-aqwa hu l-ferħ li qed inħoss. Fil-fatt jiena ma nippruvax nikkonsla, la mill-inkwiet li nħoss waħdi, la mill-ħajja privata tiegħi u lanqas mill-istorja umana tiegħi mimlija ħtijiet. Ta’ kuljum, wara l-Quddiesa, inħobb noqgħod bilqiegħda ħdejn in-nar li mhux qed jaqbad ħlief għalija.”

Mauriac beda jħossu Kattoliku ħieles u minn hemm ’il quddiem Mauriac beda jitlob qisu tifel żgħir. Kien jieħu gost, ta’ rumanzier ġenjali, bir-ripetizzjoni umli ta’ siltiet mill-missal li kellu. Kien jgħid ir-Rużarju u l-Liturġija tas-Sigħat. Jirrakkonta: “Tard filgħaxija, f’dar fil-kampanja, kont nieqaf milli nikteb u, f’dik l-assenza totali tal-ħsejjes, f’dik il-waqfa minn kull sinjal ta’ bnedmin, inħossni vjaġġatur fit-tarf tad-dinja, fl-estremità tad-dinja viżibbli. Hekk it-talba ta’ filgħaxija kienet titla’ ’l fuq bħad-duħħan, mingħajr ma jiċċaqalqu xufftejja.” Kien iħobb itenni: “Li temmen hu li tħobb.”

Il-kitbiet ta’ Mauriac

François Mauriac kien kittieb ta’ talent kbir, għall-bidu interessat biss fil-letteratura mundana. Kien rumanzier, poeta, drammaturgu u artikolista distint għall-ġurnal Le Figaro. Fl-1930 ingħata l-Premju Nobel għal-Letteratura. Ħafna plays minn tiegħu nħadmu fil-Comedie Francaise, teatru antik f’Pariġi li għadu famuż sal-lum. Ħalla ammont konsiderevoli b’kitbiet mimlija xhieda fuq l-imħabba kbira ta’ ħajtu lejn Ġesù. Karatteristika tiegħu kienet li jeżamina r-realtajiet koroh tal-ħajja moderna fid-dawl tal-eternità.

Fil-Memorji Interjuri, miktuba meta kellu 80 sena, juri r-rabta tiegħu mal-Inkarnazzjoni. “L-Ewkaristija,” jgħid, “hi f’qalbi fl-istaġun tal-ġranet is-suwed. Kull Quddiesa, l-aktar fix-xitwa, inħossha marbuta mal-misteru tal-Inkarnazzjoni. Filwaqt li nimxi bil-mod fuq il-mogħdija mxarrba, nieqaf bħal Xmun il-Profeta, bil-kowt tiegħi fuq iċ-ċkejken li tawni biex inħaddan miegħi. M’iniex inżommu biss fuq dirgħajja, għax issa jinsab fija.”

Wieħed mill-klassiċi ta’ Mauriac, X’Nemmen, hu stqarrija tal-fidi tiegħu. Hu ktieb li b’mod intensament personali jiġbor f’mitt paġna l-ħsibijiet spiritwali tiegħu u jevoka l-imħabba lejn Kristu.

F’xi xogħlijiet tiegħu Mauriac iġib quddiem għajnejna persuna reliġjuża li qed titħabat mal-problemi tad-dnub, tal-grazzja u tas-salvazzjoni. Hekk, fir-rumanz L-Għoqda tas-Sriep, meqjus bħala l-kapolavur tiegħu, jesponi d-drama ta’ familja li fiha tispikka l-qalb iebsa ta’ avukat anzjan lejn il-familjari tiegħu u l-passjoni tiegħu għall-flus. Minkejja kollox, iżda, fl-aħħar l-istess avukat jasal għall-konverżjoni. Mauriac juri li l-ewwel reazzjoni ta’ min jikkonverti għall-esperjenza ta’ Kristu hi li jħossu midneb u fil-bżonn ta’ Salvatur.

François Mauriac miet fl-1 ta’ Settembru 1970.

Joe Galea