It-Trinità: viżjoni għal ħajjitna

Il-Ħadd, 30 ta’ Mejju 2021: Omelija fis-Solennità tat-Trinita’ Qaddisa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Knisja Marija Annunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Meta aħna niċċelebraw is-solennità tat-Trinita Qaddisa,  qed nagħrfu lil Alla li hu wieħed fi tliet persuni –  il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Aħna nispjegaw dan bħala “misteru tal-fidi”. Issa kultant li jiġri  hu dan:  li meta ħafna minna nisimgħu l-kelma “misteru”, għalina jfisser li hi ħaġa li ma tistax tifhimha. U għalhekk kultant diversi nies, ir-reazzjoni tagħhom hi: inutli, jekk ma nistax nifhem, ma nista nifhem, hu misteru.

Imma fil-fatt meta aħna ngħidu l-kelma “misteru”, ma tfissirx biss li hi xi ħaġa li aħna ma nistgħux nifhmu. Tfisser ħafna aktar minn hekk. Tfisser li Alla hu ħafna akbar minna u aħna ma nistgħux indaħħluh f’moħħna. Tant hu kbir li ma nistgħux naħkmuh aħna. Imma jista’ jkollna ħjiel tiegħu jekk qalbna u moħħna jkunu miftuħa għalih. Din hi d-differenza kbira. B’moħħna ma nistgħux naħkmuh, imma nistgħu nifhmu dak li qalilna, il-ħjiel li hu wriena li hu ta’ ġid għall-ħajja tagħna.

Milja

X’turina l-ħajja tat-Trinità? Turina li fil-ħajja ta’ Alla hemm il-milja tal-imħabba. Alla hu l-imħabba ħafna iktar minn dak li qatt tista’ timmaġina. Hi r-relazzjoni ta’ mħabba tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Għalhekk nistgħu nifhmu ħjiel ta’ x’ifisser Alla meta aħna jkollna fil-ħajja tagħna relazzjonijiet ta’ mħabba vera. Hemmhekk għandna ħjiel ta’ dak li hu Alla, nistgħu nifhmu ftit mill-kobor ta’ Alla.

Imma Alla ma riedx biss jurina dan, imma ried li fina, f’kull wieħed u waħda minna, iqiegħed din iż-żerriegħa tal-imħabba tiegħu. Meta ħalaqna, ħalaqna xbieha tiegħu, u tana fina din l-imħabba tiegħu biex aħna nistgħu wkoll inħobbu u nkunu maħbuba, u f’dan nixbhu l-ħajja tat-Trinità. Għalhekk hija okkażjoni tassew sabiħa llum li niċċelebraw lil Alla kif uriena lilu nnifsu: li hu Alla kollu mħabba u li lilna ħalaqna xbieha tiegħu.

Tifħir

Nixtieq li naħsbu ftit din x’tgħidilna għall-ħajja tagħna.  L-ewwel nett, li lil Alla għandna dejjem infaħħruh u nirringrazzjawh, u kliemna jkun dejjem kliem ta’ tifħir lil Alla. Meta aħna ngħidu dik it-talba qasira tant sabiha “Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu”, qegħdin infaħħruh lil Alla, kif għandna nagħmlu. U t-tifħir ta’ Alla lilna, lill-ħajja tagħna, jagħmilhielna ħafna isbaħ.

Hija ħasra li– ħa nitkellem għal pajjiżna, imma mhux hawn biss – kultant il-kliem li tisma’ mhuwiex kliem ta’ tifħir lil Alla imma kliem ta’ tkasbir. Dak li l-aktar tisma’ int u għaddej kultant fit-triq. Hi ħasra għax, meta aħna nkasbru lil Alla, qed inwaqqgħu lilna nfusna. Hi dik l-espressjoni bil-Malti “tobżoq fis-sema u jiġi f’wiċċek” – dak hu l-kliem ta’ tkasbir lil Alla. Imma aħna nafu li meta aħna lil Alla nfaħħruh, il-ħajja tagħna tkun isbaħ, għax inkunu qed nagħrfuh kif tassew hu: bħala Alla li jħobbna, Alla li jistħoqqlu kull ġieh. Din hi importanti għall-ħajja tagħna: li l-kliem tagħna jkun kliem ta’ tifħir lil Alla; ma nsemmuhx għalxejn, imma nsemmuh biss biex infaħħruh u nagħtuh glorja.

Rifless

Din il-festa tgħidilna ħaġa oħra importanti għall-ħajja tagħna: li billi aħna maħluqin xbieha ta’ Alla, aħna msejħin biex il-ħajja tagħna,  bil-limitazzjonijiet, bid-dgħufijiet u bid-dnubiet tagħna, nagħmlu ħilitna biex tkun rifless tal-ħajja tat-Trinità, jiġifieri ħajja tassew ta’ mħabba. L-iktar li tista’ tgħixha, għalkemm kultant ikun hemm diversi challenges, hu proprju fil-familja. Meta aħna ngħixu hemmhekk il-ħajja ta’ mħabba vera, inkunu qed nirriflettu l-ħajja ta’ Alla fina.

Dan mhux kliem fl-ajru imma kliem li aħna nistgħu ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum. Meta aħna ngħidu kelma ta’ inkoraġġiment lil xulxin fil-ħajja tal-familja, meta nkunu sensittivi għal xulxin, meta nkunu ta’ sostenn għal min ikun għaddej minn tbatija, meta l-kliem tagħna ma jkunx kliema li jweġġa’ imma kliem li jagħti ħajja ġdida u joħloq ambjent tassew sabiħ – hemmhekk aħna nkunu qed nixbhu din il-ħajja tat-Trinità fil-ħajja ta’ kuljum. Hu għal dan li jsejħilna Alla, lilna li nemmnu, dan jixtieq minna. Isbaħ tkun il-ħajja tagħna, kif naraw fl-esperjenza tal-ħajja, meta aħna nirriflettu bejnietna l-ħajja sabiħa tat-Trinità.

Barka

Tindunaw li fit-talb tagħna fil-quddiesa l-ħin kollu nsellmu lit-Trinità Qaddisa. Hekk nibdew u hekk nispiċċaw ukoll bil-barka tal-aħħar. Din tfakkarna li meta fil-ħajja tagħna għandna l-barka tat-Trinità, għandna l-isbaħ ħaġa li tmexxina ’l quddiem f’ħajjitna. Kemm hu sabiħ meta aħna rroddu s-salib u niftakru li f’dan qed insellmu lit-Trinità Qaddisa! U nagħmlu dan biex tkun magħna, biex tgħinna. Din hi t-talba li nixtieq nagħmel illum. Nitolbu lil Alla biex aħna nagħrfuh bħala Alla li hu kollu mħabba, lilna jgħinna biex ngħixu tassew din l-imħabba li hu qiegħed f’qalbna, u dan ikun l-isbaħ mod kif nagħtu ġieh lilu, u kif  ħajjitna tkun tassew dik li nixtiquha li tkun.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply