Ġwanni Pawlu II fil-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej

FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

QUDDIESA FL-OKKAŻJONI TAL-AMMINISTRAZZJONI

TAS-SAGRAMENT TAL-MAGĦMUDIJA LIL DISAT ITFAL

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Kappella Pawlina
IL-Ħadd, 11 ta’ Jannar 1981

1. “Dan huwa Ibni l-maħbub, li bih nitgħaxxaq” (Mt 3,17).

Il-kliem tal-Vanġelu, li għadna kemm smajna, se jseħħ ukoll fuq dawn it-tfal għeżież, li jiena se namministralhom il-Magħmudija. Ġesù huwa l-Iben il-Kbir ta’ ħafna aħwa (cf. Rm 8,29) dak li seħħ fiH se jirrepeti ruħu b’mod misterjuż f’kull wieħed u waħda minna, li nimxu fuq il-passi tiegħu, u nġibu Ismu, l-isem ta’ kristjani.

Meta Kristu jinżel fil-Ġordan jinstemà leħen il-Missier, li jqisu bħala l-maħbub tiegħu, waqt li jwettaq il-profezija tal-Qaddej ta’ Jaħwè, li Iżaija semmagħna fl-ewwel qari; u jinżel l-Ispirtu Santu taħt forma ta’ ħamiema, biex jagħti bidu viżibbli u sollenni għall-missjoni messjanika tal-Iben ta’ Alla. Bħal ma għalih, hekk seħħ għalina; hekk se jseħħ fuq dawn iċ-ċkejknin, li jinsabu hawn quddiemna, żerriegħa ġdida tal-Poplu ta’ Alla, iddestinat li jikber b’mod kontinwu fid-dinja grazzi għall-familja nisranija. Lilhom ukoll, il-Missier se jsemmà leħnu: “Dan huwa Ibni l-għażież, li bih tgħaxxaqt”. Huwa jitgħaxxaq b’dawn iċ-ċkejknin, għaliex jara ttimbrat fl-ispirtu tagħhom il-pass immortali tal-Paternità tiegħu, ix-xebħ intimu u veru ma’ Ibnu: ulied fl-Iben. U fl-istess ħin, se jinżel l-Ispirtu Santu, inviżibbli imma preżenti bħal dakinhar, biex ifawwar dawn l-erwieħ ċkejknin bil-għana tad-doni tiegħu, biex jirrendihom għamajjar tiegħu, tempji tiegħu, ostensorji tiegħu, li se jkollhom jirradjaw il-preżenza tiegħu u x-xhieda tiegħu tul il-korsa ta’ ħajjithom, li aħna għadna ma nafux kif se tkun, imma li Huwa diġa jara fil-milja kollha tagħha.

Se nqegħdu s-sisien ta’ ħajjiet insara ġodda: maħbubin mill-Missier, mifdija minn Kristu, ittimbrati bis-siġill tal-Ispirtu, oġġett ta’ preferenza eterna, li minn issa stress tipproġetta ruħha fil-futur, u fl-eternità kollha, f’imħabba bla tmiem, li diġa tħaddanhom minn issa: “Dan huwa Ibni l-maħbub, li fih tgħaxxaqt”.

Fuq dawn l-ulied maħbuba, li minn hawn u ftit ieħor se jkunu ż-żrieragħ il-ġodda tal-Knisja, puri bl-innoċenza totali tal-grazzja rrappreżentata mil-libsa li se nlibbishom, qawwija bid-dlik taż-żejt tal-katekumeni bħala atleti veri, qaddisin bil-qdusija stess ta’ Alla, jien nsejjaħ magħkom l-assistenza kontinwa tal-Mulej, u nagħmel wegħdi sabiex jibqgħu dejjem fidili, tul ħajjithom kollha, għal din il-vokazzjoni nisranija komuni, stupenda tagħna.

Għal dan nafdahom lilkom, ġenituri nsara, li bl-imħabba reċiproka takom ta’ donazzjoni tajtuhom il-ħajja, sirtu kollaboraturi tal-ħolqien ta’ Alla: ġibtuhom hawn ulied tan-natura, se terġgħu teħduhom fi djarkom ulied il-grazzja. Minnkom tiddependi parti kbira tas-suċċess sħiħ tagħhom, skont il-pjanijiet ta’ Alla: nafdahom lilkom fl-isem ta’ Alla Trinità! U nafdahom ukoll lilkom parrinijiet irġiel u nisa, għall-istess għan biex tiggarantixxu t-trobbija nisranija sħiħa. Fuqkom ilkoll tinżel il-barka tal-Mulej, li tagħha hija xhieda u awgurju l-barka apostolika tiegħi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.