Waħda u sħiħa hija l-Imħabba

Dan l-aħħar deher fostna xogħol mill-isbaħ tal-Professur Patri Salvinu Caruana OSA, id-Direttur tal-Istitut Agostinjan, flimkien ma’ Patri Frans Calleja OSA bit-titlu Waħda u sħiħa hija l-Imħabba. Ix-xogħol innifsu hu opra ċelebri oħra ta’ Missier il-Knisja Santu Wistin ta’ Ippona li fl-ilsien oriġinal Latin għandu bħala titlu: In Epistolam Joannis ad Parthos Tractatus X.

Dan ix-xogħol jikkonsisti xejn anqas minn għaxar Omeliji li huma fost l-iprem ta’ Missierna Santu Wistin li kien nisiġhom matul il-ġimgħa tal-Għid il-Kbir u anki xi jumejn wara din il-ġimgħa. X’aktarx li dawn l-omeliji Santu Wistin kien għamilhom ġewwa l-Basilica Pacis filgħaxija, jiġifieri f’ħin meta s-semmiegħa seta’ kellhom iktar ħin fuq idejhom biex jisimgħuhom u jkunu aktar kalmi u mħejjija ħalli jisimgħu u jixtarru sewwa prietki ta’ dak it-tul!

 Wara li għadd ta’ studjużi tal-Omeliji ta’ Santu Wistin dehrilhom li Wistin ipprietkahom aktarx f’xi sena wara l-420, illum dawn huma, tista’ tgħid, ilkoll tal-fehma li mhux hekk, fil-fatt, kien il-każ. Dan l-għaliex skont xi wħud minn dawn l-omeliji, jidher ċar li hu għamilhom fis-sena 407. Hu x’inhu l-każ, din hija sensiela ta’ Omeliji ta’ siwi mill-aktar kbir l-għaliex mis-suġġetti li kellem lis-semmiegħa tiegħu dwarhom, jidher bħallikieku huwa kien qiegħed jisħaq fuq kemm kien meħtieġ li s-semmiegħa tiegħu jifhmu tajjeb minn xhiex għaddew meta tgħammdu ftit tal-ġranet qabel.

Għaldaqstant, imbagħad, qamet il-mistoqsija ewlenija: jekk kemm-il darba dawn l-Omeliji jistgħux jitqiesu bħala għamla ta’ prietki fuq is-sagrament tal-Għid, għamla ta’ katekeżi mistagoġika, bħal dik li kienu jagħmlu, ngħidu aħna, Ambroġ ta’ Milan, jew il-qaddis patrijarka ta’ Ġerusalemm, Ċirillu. Il-prietki ta’ dawn fuq is-suġġett, kienu jkunu f’għamla ta’ tifsira, pass pass, ta’ kull waqt tal-għotja ta’ dan is-sagrament. 

Minkejja li anki f’dawn li għamel Wistin jinstemgħu għadd ta’ drabi kelmiet bħal, ħajja ġdida, dawl, dlik, ilma, u ismijiet ta’ xi elementi oħrajn marbuta mas-sagrament tal-magħmudija, iżda xorta waħda ma jidhirx li għamel xi katekeżi fit-tul dwarhom. Tant hu hekk, li minn kif fisser fehmtu Santu Wistin, jinħass ċar li kien qiegħed aktarx ikellem semmiegħa li kienu ilhom li ħaddnu t-Twemmin, u li kienu hemm bħal qishom spettaturi, u mhux fost dawk li kienu qed jirċievu l-magħmudija. Tant li mill-Omelija 7 ᾽l quddiem, Wistin ma jsemmi qatt iktar is-Sagrament tal-Magħmudija. 

Barra minn hekk, dawn l-Omeliji ma jsemmu qatt lil Kristu Rxoxt, jew xi ħjiel ta’ dak kollu li seħħ fil-Qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet. Dawn l-Omeliji huma, għaldaqstant, prietki ta’ Wistin fuq ktieb partikulari minn dawk tal-Patt il-Ġdid, f’dan il-każ l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu. Għalhekk, m’huma bla ebda mod marbuta maż-żmien liturġiku li fih għamilhom Wistin. Tant li fil-bidu, eżattament fil-Prologu, li matulu fisser l-għan ta’ kitbietu, Santu Wistin kiteb hekk: Ġwanni qal bosta ħwejjeġ, u tista’ tgħid li kulma qal kien kollu marbut mal-imħabba

L-imħabba tal-aħwa kien suġġett li Santu Wistin kiteb, u tħadded ta’ spiss, u, minn kif jinħass kliemu, kien hekk ħerqan sabiex jasal għas-suġġett tal-imħabba, li, ma’ tmiem l-ewwel Omelija, kien diġà, tista’ tgħid, fisser kwint mill-ittra kollha. Mhux biss iżda, u saħansitra, lil hinn ukoll minn fejn Ġwanni nnifsu semma, għall-ewwel darba, l-imħabba! Dan kien ukoll suġġett li kien jingasta sewwa ma’ dak kollu li kien qiegħed ikisser ras Wistin fiż-żmien li fih kien jipprietka, f’kelma waħda, it-tilwim mad-Donatisti f’Ippona (fit-taqsima 16 tal-ktieb, P. Salvinu niseġ ġrajja mirquma ta’ dan il-muviment) hekk li tul l-Omeliji l-ħin kollu jtambar fuq il-fatt li x-xiżma Donatista huwa kien iqisha bħala ksur gravi tal-imħabba.

Patri Salvinu jagħti dan il-parir li min se jaqra dan il-ktieb tassew sabiħ u ta’ siwi kbir għall-ħajja spiritwali tagħna bħala Insara: “Nitlob lill-qarrejja ta’ dan il-ktieb sabiex ma jgħaġġlux fil-qari tiegħu. Jistgħu tajjeb jeħduh bħala ktieb għall-meditazzjoni, jew għal ftit tal-ħin ta’ qari spiritwali. Biżżejjed ngħarrafhom li hu fl-Omelija 7, (p. 161) fejn Wistin tħadded, u fisser il-kliem: ħobb, u li trid għamel (dilige et quod uis fac), kliem li tant ħasad lis-semmiegħa, u qarrejja ta’ kitbet Wistin, u li tant qala’ għajdut mal-Afrika ta’ Fuq kollha! Kien wieħed mill-istili ta’ Wistin sabiex jaħsad lis-semmiegħa, jew lill-qarrejja tiegħu, billi jinqeda b’tixbihat mill-aktar qawwija”.

Wieħed mill-passaġġi ferm sbieħ li personalment jolqotni f’dan il-ktieb li tant nissuġġerieh għal min irid tassew jinżel fil-fond fl-imħabba tiegħu lejn Ġesù f’għajru hu dan: Jien mhux sejjer nogħod nagħti kas ta’ dak li xi ħadd jgħid bil-kliem, imma nara kif qiegħed jgħix. Jekk l-għemejjel jitkellmu minnhom infushom, xi ħtieġa hemm li noqogħdu nfettqu fuq il-kliem? Jaqaw hemm xi ħadd li jkun ħażin u ma jagħmilx ħiltu kollha biex jitkellem tajjeb? Isimgħu x’jgħid il-Mulej fuq dawn: ja nisel ta’ wiċċ b’ieħor, kif tistgħu titkellmu tajjeb meta intom ħżiena? Intom twasslu leħinkom sa ħdejn widnejja, iżda jiena nħares lejn is-sentimenti tagħkom, u hemm nilmaħ rieda qarrieqa, u intom tressqu frott qarrieqi. Jiena naf fejn għandi mmur sabiex niġbor il-frott: ma niġborx tin minn ġewwa x-xewk, lanqas għeneb mill-għollieq. Kull siġra tingħaraf mill-frott tagħha. Min jistqarr lil Kristu bil-fomm, iżda mbagħad wara jiċħdu bl-għemejjel tiegħu, huwa antikrist, u huwa agħar mill-oħrajn kollha. Huwa wieħed giddieb għax jgħid ħaġa u jagħmel oħra (Omelija 3, 8,  fil-ktieb Waħda u sħiħa hija l-Imħabba p.89).

Wieħed mill-korsijiet tas-sena akkademika 2021-2022 (mill-Ġimgħa l-1 t’Ottubru 2021 – sal-10 ta’ Diċembru 2021; u t-tieni semestru mill-Ġimgħa, 21 ta’ Jannar 2022, sal-Ġimgħa 11 t’April 2022 (Jum il-Gradwazzjoni) tal-Istitut Agostinjan, jekk Alla jrid, sejjer ikun tifsira ta’ dawn l-Omeliji. Il-ktieb Waħda u sħiħa hija l-Imħabba jingħata mal-applikazzjoni għall-attendenza għall-korsijiet tas-sena akkademika 2021-2022. L-applikazzjonijiet infetħu fil-bidu ta’ dan ix-xahar ta’ Mejju 2021.

Il-ktieb Waħda u Sħiħa hija l-Imħabba. 10 Omeliji ta’ S. Wistin fuq l-I-Ewwel Ittra ta’ S. Ġwann lill-Parti (Malta: Provinċja Agostinjana, 2020) (284p.) (ISBN 978-99957-1-881-7) hu ġawhra oħra fil-kitba reliġjuża Agostinjana li qed titwassal lilna bl-ilsienna stess mit-test Latin. L-għan tal-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb, xogħol ieħor imprezzabbli mwettaq mill-Provinċja Agostinjana f’Malta, hu t-tixrid tal-kitbiet u tat-tagħlim bnin ta’ Santu Wistin għalina l-Insara tallum. Il-prezz tal-pubblikazzjoni hu €15.

Għal kull tagħrif ieħor dwar ix-xiri tal-volum, u dwar l-Istitut Agostinjan, ċemplu lil Patri Salvinu Caruana OSA, Kunvent ta’ Santu Wistin, Triq l-Ifran, il-Belt Valletta, fuq: 7929 4177 – 21249407, jew tistgħu tikkuntattjawh fuq l-email personali tiegħu:caruana.salvino@gmail.com

Patri Mario Attard OFM Cap