Il-Papa u Michael Haddad

Il-Papa Franġisku bierek lill-attivist tal-klima Michael Haddad, u talbu biex jitlob għalih meta jkun  fil-Pol tat-Tramuntana

Michael Haddad ilu paralizzat minn qaddu ‘l isfel minn meta kellu sitt snin, wara inċident li kellu b’jet ski. Madankollu, huwa ma ħalliex dak l-avveniment traġiku jaffettwa l-isforzi tiegħu biex jgħix il-ħajja fil-milja tagħha. Imwieled fiż-żona tal-Muntanja Lebanon fil-Libanu, Michael sar atleta professjonali, u mill-2016, sar Ambaxxatur Reġjonali ta’ Rieda t-Tajba għall-Azzjoni Klimatika tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti. L-Erbgħa 2 ta’ Ġunju, fi tmiem l-Udjenza Ġenerali, huwa ltaqa’ personalment mal-Papa Franġisku.

Meta tkellem ma’ Vatican News wara l-laqgħa li kellu mal-Papa, Michael iddeskriva kif wara l-inċident, anke ta’ età hekk żgħira beda jaħdem bla taqtiegħ biex jibda ħajja ġdida. Huwa qal li x-xogħol kien iebes ħafna, l-għejja mmensa, u l-isfidi kienu varji. Għall-ewwel l-unika possibiltà tiegħu ta’ moviment kien is-siġġu tar-roti, imbagħad bil-krozzi, u fl-aħħar anke passi nċerti. 

Grazzi għall-avvanzi mediċi u r-riċerka xjentifika, Michael għeleb kull sfida li kellu quddiemu u anke issa kapaċi jiskija u jitla’ liberament mal-muntanji, u diġa’ għandu tliet rekords dinjija. Grazzi għall-fidi tiegħu, li hija l-fjamma li tmexxieh, mhux biss qiegħed fil-paċi, iżda wkoll kelliem motivazzjonali u eżempju għal ħafna nies li jiffaċċjaw diffikultajiet simili. “Xejn mhu mpossibbli”, qal Michael lil Vatican News. “Hemm bżonn żewġ affarijiet: Fidi u determinazzjoni. L-Fidi hija twemmin fina nfusna, twemmin fil-Ħallieq u t-twemmien li ġewwa fina hemm poter illimitat biex imorru lil hinn. Determinazzjoni li nimxu ‘l quddiem.”

L-intervista ma’ Vatican News ried li jagħmilha bilwieqfa. Huwa qal li dan kollu ġej mill-ferħ li hu jħoss fih innifsu. “Din it-tbissima hija espressjoni tal-kuntentizza li nġorr ġewwa. Wieħed mill-iskopijiet fil-ħajja huwa li nkunu kuntenti; Ġesù qalilna biex inbidlu l-biża’ f’ferħ”.

Michael għandu missjoni li jimxi 100 kilometru fil-Pol tat-Tramuntana, missjoni li suppost seħħet is-sena l-oħra, imma minħabba l-pandemija kellha tiġi trasferita għal-Frar li ġej. “Meta għidt l-istorja tiegħi lil Qdusija Tiegħu, huwa poġġa jdejh fuq rasi. Għidtlu li nipprova nwassal messaġġ t’ umanità, favur l-art u l-ambjent. Hu berikni, u jien għidtlu, “Missier, jekk jogħġbok itlob għalija”. Huwa wieġeb: “int itlob għalija mill-pol tat-Tramuntana” Ma nistax noħroġ dik il-frażi minn moħħi. Tagħtni s-saħħa u u fuqhiex naħseb. Inħossni aktar impenjat, u se niffaċċja din l-isfida flimkien mal-Papa, aktar milli waħdi.”

Michael saħansitra ġab żewġ rigali għall-Papa Franġisku. L-ewwel rigal kien fergħa ta’ siġra taċ-ċedru, simbolu ta’ art twelidu, l-Libanu, pajjiż li l-Papa San Ġwann Pawlu II sejjaħlu ‘messaġġ’.  Kif ukoll tah ritratt ta’ knisja li tinsab f’waħda mill-eqdem foresti taċ-ċedru fid-dinja. L-Papa Franġisku għal diversi drabi tenna l-kelma “Grazzi”. Michael talab lill-Qdusija Tiegħu biex jieħu selfie miegħu.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-06/pope-francis-meets-michael-haddad-undp-goodwill-ambassador.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.