Mulej, saffi kull għemil tajjeb tagħna

It-Tlieta, 8 ta’ Ġunju 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Quddiesa tat-Tlieta tal-Għaxar Ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Intom il-melħ … intom id-dawl” (Mt 5:13,14). Il-melħ, b’mod speċjali fi żmien Ġesù, huwa l-element li jippreżerva mill-korruzzjoni; huwa dak li jagħti t-togħma. Meta jgħidilna “intom il-melħ tal-art” qed jagħtina missjoni li bl-eżempju tajjeb u bl-għażliet tagħna ma nkunux parti mill-problema imma parti mis-soluzzjoni.

Ġesù  jitkellem ukoll dwar il-melħ li jaqta’ u jgħidilna li jekk il-melħ jaqta’ ma jibqax użu għalih u “jintrema barra u jintrifes min-nies” (Mt 5:13). Meta nkunu magħksin u nintrifsu ta’ spiss ingergru imma ta’ min nistaqsu lilna nfusna għaliex forsi l-melħ tagħna qata’? Aħna kompliċi mal-ħażen minflok qed nagħtu togħma tajba?

Espressjoni li tolqotni hi li n-Nisrani jrid jagħti togħma tajba lid-dinja bil-mod kif jgħix, bil-mod kif jitkellem, u bil-mod kif iġib ruħu.

Ġesù, ħin minnhom, jippreżenta lilu nnifsu bħala d-dawl, u jgħid, “Jiena d-dawl tad-dinja” (Ġw 8:12) imma llum qed jgħidilna, “Intom id-dawl” (Mt 5:14). Hawnhekk nifhmu li aħna nirriflettu d-dawl ta’ Ġesù u aħna ma nistgħux inkunu dawl fid-dinja jekk ma nkunux magħqudin miegħu. Ġesù jinsisti li n-nies tad-dinja, b’mod speċjali dawk li ma jafuhx, għandhom bżonn jaraw id-dawl tagħna. “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-semwwiet” (Mt 5:16).

Ġesù ma jridx li d-dawl tagħna jidher għall-glorja tagħna. Din kultant hija tentazzjoni għalina. Meta nagħmlu xi ħaġa biex nidhru jew inkella meta nagħmlu d-dover tagħna, nippretendu li kulħadd iċapċpilna jew jgħidilna ‘grazzi’. Imma Ġesù malajr jikkoreġi dan l-atteġġjament normali u naturali. “Jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Dun Ġorġ Preca kien jinsisti ħafna fuq dak li kien jgħallem bħala l-‘intenzjoni retta’. Jiena nagħmel il-ġid għall-glorja ta’ Alla u mhux għall-glorja tiegħi. Ejjew nitolbu biex il-Mulej isaffi kull għemil tajjeb tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Kor 1:8-22
Salm: 118 (119), 129.130.131.132. 133.135
Evanġelju: Mt 5:13-16

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply