Għażiż Leopoldu, kemm tgħallimni!

Ir-ritratt tiegħu jinsab eżattament qabel tinżel it-taraġ tat-tieni pjan tal-kunvent. Kull darba li niddeċiedi li ninżel mit-taraġ, bit-tama li nqatta’ naqra xaħam żejda milli għandi, dejjem ngħaddi minn quddiemu. Insellimlu. U, għalkemm jibqa’ fejn hu, mhux talli nħossu jħares ċass fix-xejn talli aqta’ kemm inħossu jfarraġni!

Fir-ritratt li għandna tiegħu l-kunvent dejjem b’idejh miftuħa qiegħed. U, għalkemm idejh żgħar, għax kulma kien fih metru u 35 centimetru biss, iżda huma kbar biżżejjed biex jilqgħu lil kulħadd. Għandu ħarstu tassew ħelwa. B’dawk l-għajnejn żgħar tiegħu u penetranti tafu li jgħinek tħossok importanti! Għax dak hu s-sigriet ta’ bniedem kbir! U, kif inħobbu ngħidulu għax hekk hu, qaddis! Li jgħinek tkun int! Imma mhux magħluq fik innifsek mingħajr l-ebda referenza għall-Mulej. Inkella taqta’, tinten, tinxef u tmut. Int dak li int meta tkun fl-INT etern, fil-Mulej! Bħalma għandi nkun jien tafux u wara kollox!

Madwar rasu pinġewlu dijadema. Imma, dik l-imbierka dijadema, xi storja għandha! Minn liema xewk u għollieq kellu jgħaddi l-imsejken Leopoldu! Ma kienux semmewh hekk Petar Mandić u Dragica Zarević, ommu u missieru. Iżda Bogdan Ivan. Għax tassew li dan it-tifel, l-iżgħar minn sittax-il wild, kien mogħti mill-Mulej! U, bħal Ġwanni l-Battista, kien diġà mogħti mill-Mulej għall-umanità minn età tassew ċkejkna.

Mit-tfulija tiegħu Bogdan kien iħobb jitlob. Niftehmu, mhux għax ma kienx fuq ruħu tafux! Imma t-tfal dejjem tfal. Mela darba għamel xi ħaġa d-dar. Xejn ta’ barra minn hawn! U oħtu marret tgħid lill-kappillan tar-raħal tagħhom. Dan aqta’ kemm ġabha bi kbira! Tant li kaxkar liċ-ċkejken Bogdan fi Knisja nies u poġġieh hemm, fin-nofs, fil-korsija. Iċ-ċkejken Bogdan ħass mhux biss l-art tibilgħu imma wkoll li din kienet inġustizzja kbira fuqu. In-nuqqas li għamel żgur li ma kienx jistħoqqlu kastig aħrax u umiljanti bħal dan! Imma araw x’għamel ħbieb? Minflok li qal: “Le! La nikber lanqas lejn Knisja ma nersaq! Daqskemm huma bla qalb dawn in-nies!” Għall-kuntrarju! Ħa triq oħra! U, ta’ tifel intelliġenti li kien, għax għaraf li fl-emozzjonijiet wieħed ma jwettaqx deċiżjonijiet, ħa t-triq opposta għall-imrar li b’kefrija sqewlu: “La nikber insir Patri u nuri ħafna ħniena lejn il-midinbin!” Hekk iddeċieda Bogdan waqt li kien umiljat f’nofs il-korsija ta’ Knisja mimlija nies!

Iż-żmien beda għaddej ġmielu u xewqet Bogdan li jsir Patri Kapuċċin aktar bdiet tikber. Fir-raħal tagħhom ta’ Herceg-Novi, fil-Montenegro, aħna l-Kapuċċini kellna kunvent. U, Bogdan, kienet l-għaxqa tiegħu li jmur għand il-patrijiet wara l-iskola kemm biex jitlob magħhom fil-kor u kif ukoll biex jieħu xi lezzjonijiet. Bil-mod il-mod, f’Bogdan tramwet fih is-sejħa u, ta’ 18-il sena, erħilha għall-kunvent fejn nhar it-2 ta’ Mejju 1884 beda n-novizzjat tiegħu f’Bassano del Grappa f’Vicenza. Mad-dħul tiegħu fin-novizzjat bidlulu ismu u tawh l-isem ta’ Leopoldu.

Leopoldu kien iħobb jistudja, l-aktar il-Bibbja u l-Missirijiet il-Knisja. Matul il-formazzjoni tiegħu inżergħet u kibret fih xewqa: li meta jqaddes jerġa’ lura fil-Montenegro ħalli jaħdem għall-għaqda bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi li kienu mifrudin minn xulxin. Wara li Patri Leopoldu ġie ordnat saċerdot mill-Kardinal Domenico Agostini xtaq li jmur pajjiżu ħa jwettaq din il-ħolma tiegħu. Imma s-superjuri tiegħu qaluli LE! Ir-raġunijiet kienu li saħħtu kienet dgħajfa u kellu ukoll problemi fit-taħdit. Il-LE tas-superjuri tiegħu kienet daqqa ta’ stallett mill-kbar nett għal Leopoldu. Kemm kien studja ilsna Slavi u l-Grieg modern biex ikun jista’ ikellem lil dawn ħutna mifruda minna!

Madankollu, il-Mulej, permezz tas-superjuri tiegħu, kellu pjan ieħor għalih. Bagħtuh f’kunvent tagħna l-Kapuċċini f’Venezja biex joqgħod iqarar u jgħin fiż-żamma tal-kunvent. Patri Leopoldu kien ukoll imur jiġbor id-donazzjonijiet, bieb bieb, li xi nies kienu jagħtu lill-patrijiet tagħna.

Meta f’Settembru tal-1897 is-superjuri tiegħu bagħtuh f’Zara, fid-Dalmazja, biex imexxi kunvent żgħir li kellna hemmhekk, Patri Leopoldu ħaseb li kien se jwettaq ix-xewqa tiegħu li jaħdem fost l-Insara tal-Lvant mifrudin minna. Imma anki hawn ra l-pjan tiegħu jsir suf! Minflok, is-superjuri reġgħu għajtulu f’Bassano del Grappa, f’Viċenza, ħalli jqarar. Fl-1905 nerġgħu nsibuh f’Capodistria, fis-Slovenja tallum. Anki hawn, ruxxmata nies kienu jmorru għandu biex imexxihom spiritwalment. Madankollu reġgħu għajtulu lura fil-Veneto biex jaqdi fis-santwarju tal-Madonna dell’Olmo fi Tiene. F’dan is-santwarju Patri Leopoldu kien konfessur.

Fl-1909 tawh l-inkarigu li jkun direttur tal-istudji għall-istudenti Kapuċċini. Kemm kien jistudja u jgħallem minn qalbu! Kien taz-zokkor mal-istudenti tiegħu! L-imġieba ħanina ta’ Patri Leopoldu weġġgħet iż-żaqq u niżlet velenu ma’ xi wħud mill-patrijiet sħabu li kienu jgħallmu miegħu. Minħabba l-għira tagħhom fl-1914 neħħewħ minn għalliem. Tistgħu taħsbu kemm bata l-imsejken u t-twajjeb Leopuldu!

Wara li kien internat għal 5 snin minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija Patri Leopoldu nsibuh f’Santa Croce f’Padova. Mar f’dan il-kunvent nhar is-27 ta’ Mejju 1919. Hawnhekk insibuh iqarar. Għalkemm kien kwiet u mistħi folol kbar kienu jmorru jqerru għandu. L-Annali tal-Provinċja Kapuċċina Veneta hekk jgħidu fuqu: Fil-qrar kien jiġbed nies ta’ kultura għolja. Kellu intwizzjoni fina u sens kbir ta’ qdusija ta’ ħajja. Mhux nies tax-xogħol biss kienu jirrikorru għandu għall-qrar imma wkoll intellettwali, aristokratiċi, għalliema u studenti universitarji, kleru djoċeżan u membri ta’ l-ordnijiet reliġjużi. Taqta’ l-attentat li kien hemm fl-1923 meta intbgħat f’Rijeka, il-Kroazja, biex imbagħad ġabuh jiġri lura l-għaliex in-nies rieduh f’Padova fuq it-talba ta’ l-isqof stess Mons. Elia Dalla Costa, Patri Leopoldu baqa’ mal-Padovani, iqarar għal tnax sa erbatax-il siegħa kuljum, sakemm miet nhar it-30 ta’ Lulju 1942.

Bħal San Leopoldu jien ukoll inħoss fija s-sejħa biex nagħti ħajti għall-għaqda bejn il-Knisja Kattolika u dawk Ortodossi. Bħalu xtaqt immur fil-Lvant imma qatt ma bagħtuni. Bħalu xtaqt nistudja dwar l-Orjent Nisrani u ridt immur nispeċjalizza fl-Istituto Pontificio Orientale ta’ Ruma imma l-bieb għalija kien magħluq. U, bħalu wkoll, inbati minn marda onkoloġika. (Ma ninsewx li Patri Leopoldu miet b’tumur fl-oesophagus fl-età ta’ 76 sena). Biss, meta mort Medjugorje, f’pansion, sibt mal-art relikwa tiegħu qed jitlob fuq marid. Bkejt! Għax din hi l-missjoni li tani l-Mulej bl-għeżież superjuri Kapuċċini tiegħi li dejjem tani l-grazzja li nobdihom u naqdihom mill-koxxa. U dan ferħ kbir inissilli f’qalbi!

Illum, li ma nistax insiefer barra minn Malta għal tul taż-żmien minħabba l-kura li qed nieħu għall-mard onkoloġiku li għaddej minnu, il-Mulej tefagħni fejn riedni Hu, mal-morda u l-istaff tal-Onkoloġija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija! Lil San Leopoldu ġibnieh joqgħod magħna għax għandna r-relikwa tiegħu. Ngħixu l-ekumeniżmu mal-Lvant Nisrani kuljum l-għaliex, minn żmien għal żmien, ħija fil-Mulej, l-għażiż Papas Martin Żammit u jien niċċelebraw il-quddiesa Biżantina fil-Kappella tal-Isptar.  Leopoldu qaddis u jien midneb. Lanqas ħdejn subgħajh iż-żgħir ma noqgħod. Imma nħobbu! Għax bħalu ġarrabt u nġarrab. San Leopoldu jgħallimni inħobb fis-skiet. Avolja weġġgħuh u warrbuh iżda ma għexx b’rabja li jivvendika ruħu minnhom kif tiġih l-okkażjoni. Għall-kuntrarju, baqa’ jaqdi b’imħabba kbira fis-sagrament tal-qrar. Leopoldu kbir għax ĦAFER! U wieġeb bit-tajjeb għall-ħażen li rċieva! Kif jgħidilna San Pawl: Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb (Rum 12:21).

Għażiż Leopoldu, kemm tgħallimni!

Patri Mario Attard OFM Cap