Il-Miraklu ta’ Amsterdam

Amsterdam hi belt ta’ ħafna wċuħ. Tiġbed lejha għadd kbir ta’ turisti, l-aktar żgħażagħ imħajra mill-kurżità’. Se nieqfu fuq faċċata li ftit jafu biha, li l-kapitali Olandiża xi drabi hi msejħa l-‘Belt tal-Miraklu’. Ma ħaditx dan l-isem mill-ambjent permissiv tagħha, imma minn tradizzjoni ta’pellegrinaġġ li jwassal sal-Medju Evu. F’lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd, f’Marzu jew April, serbut ta’ nies ta’ kull kategorija u età jgħaddu minn toroq kwieti tal-belt fi skiet perfett. Mat-triq jgħidu r-Rużarju bil-ġabra. Għal din il-lejla n-nies jiġu minn kull naħa tal-Olanda, bit-tren jew bil-coach, għall-pellegrinaġġ magħruf bħala ‘De Stille Omgang’, li tfisser ‘Il-Mixja Siekta’. Hi devozzjoni f’ġieħ l-Ewkaristija, ġejja minn tradizzjoni Kattolika ta’ purċissjoni li tmur lura għal Żmien ir-Riforma, marbuta mal-‘Miraklu ta’ Amsterdam’.

Ostja li ma nħarqitx

Hemm verżjonijiet differenti dwar x’kien sewwasew il-miraklu, għalkemm kollha jitkellmu dwar Vjatku lil raġel li neħħa l-Ostja għax ma setax jikolha fl-istat li kien, qiegħduha fin-nar biex tikkonsma imma baqgħet sħiħa u b’dawl madwarha. Skont it-tradizzjoni, fil-15 ta’ Marzu 1345, kien hemm raġel, li kien jismu Ijsbrand Dommer, mixħut marid serjament fid-dar tiegħu fi triq Kalverstraat. Billi ħaseb li se jmut sejjaħ għal qassis biex jagħmillu l-Griżma tal-Morda u jitqarben. Kif irċieva l-Ostja, ir-raġel ħassu hażin u neħħa l-Ostja minn ħalqu. Il-mara li kienet tieħu ħsiebu ġabret l-Ostja, qiegħditha fi fliskatur, u tefgħetha fin-nar ma dak li neħħa r-raġel. L-għada filgħodu, meta reġgħet qabbdet in-nar, rat l-Ostja fuq il-fjammi, sħiħa u intatta. Qegħiditha f’kaxxa f’armarju u, imħawda għall-aħħar, marret tfittex lill-kurat tal-parroċċa, li dak iż-żmien kienet il-knisja ta’ San Nikola. Il-kurat mar fid-dar, ħa l-Ostja u ħadha bil-moħbi fil-knisja ta’ San Nikola, illum hi l-knisja ta’ Oude Kerk. L-għada, l-Ostja ma kinitx hemm, u l-mara sabitha fil-kaxxa fl-armarju. Il-kurat għat-tieni darba ħa l-Ostja u għame l-istess bħal ma għamel il-jum ta’ qabel. Reġgħu sabuha fil-kaxxa, għat-tielet darba, b’mod li ma setgħax jiġi spjegat. Ikkonkludew li kienet l-intenzjoni tas-Sema li l-miraklu għandu jkun imxandar. Ħadu l-Ostja fil-knisja ta’ San Nikola, din id-darba b’mod solenni fi proċessjoni. Dan kien il-bidu tad-tradizzjoni magħrufa f’Amsterdam bħala l-’Purċissjoni tal-Miraklu’, billi n-nies ħadu l-miraklu bħala sinjal li għandhom ixerrdu l-kelma dwar dak li ġara.

L-Isqof ta’ Utrecht, wara inkjesta, irrikonoxxa l-miraklu fl-1346. Xi snin wara nbniet kappella fuq il-post tal-miraklu. Il-qima ta’ dan il-miraklu medjevali fissret li Amsterdam issir ċentru importanti ta’ pellegrinaġġi u nies minn naħat ’il bogħod jieħdu sehem f’din il-purċissjoni. Fost il-pellegrini tul is-snin jsemmu lill-Imperatur Massimiljanu tal-Awstrija li kien mar Amsterdam biex jitlob għall-fejqan tiegħu. It-talba tiegħu ġiet mismugħa u bħala rikonoxximent, ta lill-belt ta’ Amsterdam il-privileġġ li żżid l-kuruna imperjali mal-istemma tal-belt.

Fl-1578, il-purċissjoni ġiet ipprojbita mill-muniċipalità Protestanta ta’ Amsterdam u l-qima tal-Kattoliċi twaqqfet u ma setgħux imorru aktar fil-kappella. Imma t-tradizzjoni tal-miraklu kienet hekk importanti għan-nies ta’ Amsterdam li tul is-sekli 17 u 18 komplew din iċ-ċelebrazzjoni u din il-qima fuq skala żgħira. Il-Quddiesa kienet issir fi knejjes bil-moħbi u l-purċissjoni ssir, imma fis-silenzju. Għalhekk bdiet il-”mixja silenzjuża”. Meta fl-1881 ir-reliġjon Kattolika fl-Olanda ingħatat il-liberta, sar pjan għall-purċissjoni. L-idea ġiet minn grupp ta’ ħbieb, kollha lajċi u żviluppat fit-tradizzjoni tal-lum, li fil-fatt hi l-kontinwazzjoni tal-‘Purċissjoni tal-Miraklu’. Kull sena, fl-ewwel Sibt ta’ wara l-15 ta’ Marzu, għadd sabiħ ta’ nies mill-pajjiż kollu jieħdu sehem fil-’Purċissjoni Siekta’, waqt li jitolbu fis-silenzju u jimxu t-triq storika tal-ewwel purċissjoni.. Ħafna minnhom huma Kattoliċi, imma qed jikber ukoll is-sehem minn Insara oħra. Il-pellegrini jiġu bil-jimxu, bir-rota jew jaslu Amsterdam bil-karozza  jew bix-xarabank biex jieħdu ehem fil-purċissjoni.

It-triq tal-purċissjoni

Kull sena, il-ġimgħa ta‘ festival tal-Miraklu tibda l-Erbgħa wara t-12 ta’ Marzu. Mill-Erbgħa tas-Sibt isiru Quddies ta’ devozzjoni jiġu ċelebrati fil-Beguinage.

Il-béguinage hu post fejn grupp ta’ nisa jgħixu ‘l bogħod mid-dinja, u jikkonsagraw ħajjithom għat-talb, għall-kura tal-morda u tal-foqra, għall-istudju u xogħol manwali

Il-manifestazzjoni prinċipali hi l-Purċissjoni siekta, issir fil-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd. Il-karatteristika prinċipali ta’ din id-dawra hu l-fatt li ssir fis-silenzju, mingħajr talb bl’leħen għoli jew kant u mingħajr ilbies klerikali jew simboli reliġjużi. Tieħu madwar siegħa u ssir bejn nofs il-lejl tas-sibt u l- erbgħa ta’ filgħodu l-Ħadd.

Il-purċissjoni tagħlaq b’Quddiesa f’waħda mill-parroċċi tal-belt. Kull sena tintgħażel intenzjoni speċjali li tirrifletti tema kurrenti fiż-żmien tal-lum. Illum il-Purċissjoni siekta tfisser affarijiet differenti lil nies differenti; għal xi wħud it-tradizzjoni originali hi importanti u l-preżenza ta’ Ġesu fl-Ostja;għal oħrajn hu s-sagrifiċċju ta’ raqda ta’ lejl fi żmien ir-Randan. Għal oħrajn hi l-intenzjoni speċjali u l-karattru meditattiv tal-purċissjoni. Permezz tas-silenzju u n-nuqqas ta’ affarijiet esterni, dawk li jieħdu sehem iħossuhom magħqudin flimkien u mifrudin mill-belt mundana li jgħaddu mill-attrazzjonijiet tagħha. Tgħaddi minn xi postijiet marbutin mal-istorja tal-purċissjoni, bħall-Beguinage u l-mużew tal-knisja ‘Onze Lieve Heer op Solder’ , li kienet knisja fil-mo]bi f’dak iż-żmien.

Nistħajlu l-mixja, fit-temp kiesaħ tal-Olanda. It-toroq qodma taċ-ċentru ta’ Amsterdam battew min-nies, filwaqt li l-pellegrinaġġ jgħaddi minn toroq imwarrba, mhux dawk iffrekwentati mit-turisti. In-nies jgħaddu mit-triq sigrieta minn fejn seta’ għadda l-qassis wara li nġabret l-Ostja, jew fejn kien jgħaddi bil-moħbi fi żmien ir-Riforma. It-tradizzjoni hi marbuta maż-żmien tal-persekuzzjoni u tal-martri Olandiżi ta’ Gorcum, ittorturati u maqtula għall-fedelta’ tagħhom lejn il-Knisja Kattolika. Fil-fatt, mat-triq l-irġiel tal-‘mixja’ jżuru xi Schuilkerken (knejjes-xelter) fejn f’dk iż-żmien il-Kattoliċi kienu jiċċelebraw bil-moħbi l-Quddiesa.

Qed traxxax ix-xita, bla tieqaf xejn. Kulħadd jimxi waħdu għax din hi manifestazzjoni ta’ ħajja tajba individwali għal eluf ta’ persuni ta’ reliġjożita’ profonda. Uħud min-nies li jarawhom, jiskantaw xi ftit fil-waqt li oħrajn jgħaddu rimarki ironiċi. In-nies tal-purċissjoni ma jagħmlux reazzjoni imma jibqgħu konċentrati fil-waqt li jimmeditaw il-misteri tar-Rużarju. Fl-aħħar il-pellegrini jsibu ruħhom f’waħda mill-parroċċi li f’din il-lejla tibqa’ miftuħa, imżejna u mdawla sew. Jieħdu sehem b’ħeġġa kbira fil-Quddiesa, kantata b’mod solenni. Wara l-Quddiesa il-pellegrini jfittxu t-tren jew il-coach, waqt li jibqgħu fis-silenzju. Il-Ħadd fil-għodu jaslu d-dar imsaħħa b’din is-solidarjeta’ reliġjuza ma’ tant nies li ma jafux lil xulxin.

Faċċata differenti ta’ Amsterdam

Din hija n-‘naħa l-oħra’ ta’ Amsterdam. Hi ‘l-miraklu’ tagħha! Amsterdam hi l-iktar belt ‘kulurita’ fil-qalba tal-Ewropa. Għal ħafna hi l-aktar interessanti. Hi kampjun ta’ kultura fejn ir-Reliġjon qiegħda fil-periferija għalkemm fit-teorija 30 fil-mija tan-nies huma Kattolici u 30 fil-mija oħra huma Protestanti. Imma Alla ftit jinħass. U din il-‘mixja siekta’ hi bħall-ħmira li ttella’ l-għaġna.

Alla u l-Kristjaniżmu jinsabu fil-qalba ta’ l-Ewropa, minkejja li mhumiex miktuba fil-Kostituzzjoni Ewropea, dokument li ġie ffirmat biex jibqa’. Min iħobb lill-Knisja jibqa’ b’qalbu muġugħa għal dan il-vojt fl-ewwel linji tal-Kostituzzjoni, u espressjoni ta’ nuqqas ta’ qbil hi reazzjoni raġunata u utli; imma d-dieqa fuq fatt komplut m’għandhiex saħħa daqs l-impenn li ndaħħlu lil Alla u l-Kristjanita’ fil-ħajja ta’ kuljum aktar milli f’dokument ta’ ħafna paġni. L-Ewropa teħtieġ ruħ, u pajjiż bħal tagħna, għalkemm ċkejken jista’ jagħti kontribut. Aħna a tistax tinqata’ minn dawk li bħalna, f’diversi stati Ewropej qed jimbuttaw il-‘karru’, għalkemm fit-telgħa mxarrba bix-xita ta’ pajjiżi oħra fil-familja Ewropea, metafori li jesprimu s-sitwazzjoni morali tal-Ewropa. Minkejja l-mentalità ta’ setturi f’Malta qed tiġi nfluwenzata minn dawn l-ideoloġiji ta’ soċjetà sekularizzata, Malta għandha wirt li s’issa, sa ċertu punt, ħarsitu. Anzi, dan il-wirt mhux ta’ min jibqa’ merfugħ biss fil-gżira.

Kif ngħaddu l-kultura tagħna? B’rispett lejn ir-Reliġjon li nħaddnu, b’imġiba tajba fil-knisja, b’serjetà fi`-ċelebrazzjonijiet reliġjużi li jsiru fit-toroq u bl-ospitalità li Malta magħrufa għaliha. Nies li jżuruna jridu jmorru lura u jgħidu li Malta hi pajjiż fejn għad ‘hemm Alla’ u li din il-kultura hi t-tweġiba biex l-Ewropa mill-ġdid ikollha ruħ.  

Joe Galea

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.