Il-Papa jikkundanna l-mafia.

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa jiltaqa’ ma’ tifla li spiċċat vittma ta’ sparatura tal-Camorra, l-Qdusija Tiegħu jikkundanna l-mafia.

Il-mafia teqred it-tama u tgħawweġ id-drittijiet tan-nies. Hekk qal il-Papa Franġisku lil familja, li bintha żgħira weġgħet serjament waqt azzjoni tal-Camorra f’Napli. Fis-7 ta’ Ġunju, waqt laqgħa privata fir-residenza tiegħu, l-Papa ltaqa u talab mat-tifla li issa għandha 6 snin.

It-tifla rreċitat it-talba tal-Ave Marija u tal-Anġlu Kustodju, l-Papa “qabdilha idha u talbu flimkien. Kien mument emozzjonanti ħafna,” qalet Tania Esposito, omm Noemi Staiano, li ġiet milquta f’Mejju 2019 fi pjazza pubblika kbira f’nofs il-belt waqt li kienet man-nanna tagħha, u li balla għaddiet żbriex minn magħha.

Żewġ aħwa, Armando u Antonio Del Re, ingħataw piena ta’ 18 u 14-il sena ħabs, rispettivament, għall-isparatura li fiha ppruvaw joqtlu membru tal-grupp rivali tagħhom waqt ġlieda.

It-tifla, li dak iż-żmien kellha 4 snin, weġgħet gravi b’pulmun imtaqqab, kustilji maqsuma u ħsara fis-sinsla ta’ darha. Fit-8 ta’ Ġunju, Esposito qalet lill-Aħbarijiet tal-Vatikan, li bintha xorta se jkollha bżonn aktar operazzjonijiet biex terġa’ tinbena s-sinsla tad-dahar u trid tilbes kullar għas-support tal-għonq u kurpett għas-support tad-dahar sal-inqas 18-il sena.  

Tania qalet li taw lill-Papa, kuruna tar-rużarju u statwetta tal-Papa. Meta ra l-istatwetta, l-Papa staqsa lit-tifla: “Min hu dan ?” u tifla wieġbet: “Dak inti”. Waqt dawk il-mumenti ħelwin li kellhom mal-Papa Franġisku, l-omm u l-missier qalulu dwar l-isparatura u l-problema kontinwa tal-mafia.

“Il-Papa qal ftit kliem, imma baqgħu f’qalbi, ‘il-mafia teqred it-tama, tħawwad id-drittijiet, imma Alla dejjem isegwi wara t-tifla sabiħa tiegħek,’” qalet u żiedet li talbu kollha flimkien, inkluż il-missier, Fabio Staiano, u l-Arċisqof ta’ Napli, Domenico Battaglia, li rranġa’ għal din il-laqgħa mal-Papa.

Meta ġiet mistoqsija jekk ħafrux lill-aggressuri ta’ binthom, Esposito qalet: “Ngħid il-verità, maħfra… le. Imma mhux għax ma rridux, anzi bħala familja Nisranija lesti li naħfru, imma ħadd, ħadd minn dawk li weġgħu lill-binti, qatt ma qalilna li ddispjaċieh. Għalhekk lanqas biss kellna l-opportunità li noffru l-maħfra tagħna. Madankollu, naħseb li Noemi żgur li diġà ħafritilhom. Hija tifla li tista’ tgħallem lil kulħadd kif tħobb, anke lilna l-ġenituri.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://cruxnow.com/vatican/2021/06/pope-meets-with-child-victim-of-camorra-shootout-condemns-mafia/

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading