Jum ta’ talb fil-Brażil minħabba l-Covid

Il-Knisja Brażiljana ssejjaħ jum ta’ talb hekk kif il-vittmi ta’ Covid-19 jersqu lejn nofs miljun

B’daqstant bżonn ta’ tama u faraġ, l-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi Brażiljani (CNBB) qed issejjaħ għal ġurnata speċjali ta’ talb u tifkira fil-ħafna Brażiljani li mietu bil-COVID-19 u biex tenfasizza l-messaġġ li “kull ħajja tgħodd”.

L-inizjattiva, li hija ko-sponsorizzata minn organizzazzjonijiet oħra, se tiġi ċċelebrata nhar is-Sibt 19 ta’ Ġunju. Dakinhar kull djoċesi Brażiljana se tkun qed tagħmel Quddiesa speċjali għall-Mejtin.

Il-knejjes u l-parroċċi kollha madwar il-pajjiż huma wkoll mistiedna jdoqqu l-qniepen tagħhom fit-3.00 p.m., is-Siegħa tal-Ħniena meta Ġesù miet fuq is-Salib. Barra minn hekk, karti kommemorattivi speċjali se jitqasmu fuq networks soċjali u l-midja Kattolika se xxandar vidjo b’talba speċjali. Is-Segretarju Ġenerali tas-CNBB, Isqof Awżiljarju ta’ Rio de Janeiro, Joel Portella Amado, spjega li l-inizjattiva hija maħsuba biex tkun “ġest ta’ solidarjetà, tama u impenn biex il-Brażil isir pajjiż aħjar”.

Skond l-Isqof, in-nies kollha“b’sensittività f’qalbhom” għandhom jieqfu għal mument biex jirriflettu u jimmeditaw, “għax 500 elf huwa numru simboliku iżda mpressjonanti: nofs miljun mejta huwa verament ħafna”, huwa qal.

It-talb u d-dimostrazzjonijiet huma għalhekk mod kif juru qrubija u solidarjetà għal dawk kollha li ġew infettati bil-virus u għall-familji li tilfu lill-maħbubin tagħhom minħabba n-nuqqasijiet fis-sistema tas-saħħa, d-dewmien fil-kampanja ta’ tilqim u n-nuqqas ta’ Tagħmir Protettiv Personali (PPE) u miżuri bħal maskri u distanzi soċjali.

Dan il-jum ta’ talb, żied jgħid, joffri lil kulħadd, “jemmnu jew le”, l-opportunità “li jieqfu, jaħsbu u jirriflettu” fuq dak li ġara. Mindu bdiet l-pandemija tal-Covid-19 u speċjalment wara li inferxet sew il-marda, l-Knisja Brażiljana ripetutament ikkritikat il-ġestjoni ħażina tal-kriżi, ċ-ċaħda tas-serjetà tagħha f’xi setturi tas-soċjetà Brażiljana u l-politiċizzazzjoni u l-ideoloġizzazzjoni tal-pandemija, u talbet lill-Gvern Federali biex jippromulga rispons aktar effettiv u miżuri aktar stretti biex jipprevjenu il-firxa tal-virus.

Il-President Brażiljan Jair Bolsonaro konsistentement minimizza l-gravità tal-marda u rrifjuta miżuri protettivi aktar stretti. Bħalissa, 10% tal-popolazzjoni tlaqqmu.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-06/brazil-bishops-covid-victims-half-million-day-of-prayer.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.