Lezzjoni II San Kamillu De Lellis

14 ta’ Lulju SAN KAMILLU DE LELLIS, SAĊERDOT

Tifkira

San Kamillu de Lellis twieled qrib Chieti, fl-Abruzzo, fl-1550. Tilef ’l ommu meta kellu tlettax-il sena. Kiber bi spirtu avventuruż u ta’ sbatax-il sena ħalla d-dar u daħal suldat biex jiġġieled mal-Venezjani kontra t-Torok, iżda minħabba ferita li kellu f’siequ ħalla l-armata u daħal l-isptar ta’ San Ġakbu, f’Ruma. Imbagħad reġa’ daħal fl-armata. Wara l-ġlied u meta tilef kollox fil-logħob, daħal jaħdem fi sptar għall-mard li jittieħed. Influwenzat minn San Filippu Neri, studja u ġie ordnat saċerdot ta’ 34 sena. Waqqaf il-Kongregazzjoni llum magħrufa bħala Camilliani, biex jibnu sptarijiet u jduru bil-morda l-aktar dawk b’mard li jwassal għall-mewt. Miet f’Ruma fl-1614.  Ġie kkanonizzat fl-1746; il-Papa Ljun XIII ħatru Patrun tal-infermieri.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-ħajja ta’ San Kamillu miktuba minn wieħed minn sħabu

(S. Cicatelli, Vita del P. Camillo de Lellis)

Qeda lill-Mulej f ’ħutu

Nibda mill-virtù qaddisa tal-imħabba, li hi l-għerq u d-don tal-virtujiet kollha, u li Kamillu kien jgħożż aktar minn kull virtù oħra. Ngħid, mela, li hu kien tassew imħeġġeġ bin-nar ta’ din il-virtù qaddisa, mhux biss lejn Alla iżda wkoll lejn għajru, u l-aktar il-morda. Mqar jekk biss iħares iejhom, dan kien biżżejjed għalih biex iħoss qaibu tirtab u tinħall, u jinsa għalkollox kull għaxqa u ħajra u ġibda għall-ħwejjeġ tal-art. Meta kien jaqdi lil xi marid, kont tistħajlu qiegħed jinfena u jintemm bit-tjieba u l-ħniena kbira li kien iħoss għalih. U bil-qalb kollha kien lest biex jilqa’ fuqu kull xorta ta’ mard u deni, kieku b’hekk seta’ jtaffi t-tbatija jew ifejjaq il-mard tal-proxxmu tiegħu.

Kienet tant ħajja x-xbieha ta’ Kristu li kien jilmaħ fil-morda, li bosta u bosta drabi, hu u jqassmilhom l-ikel, kien jara fihom il-kristijiet tiegħu, u sa kien jasal biex jitlobhom bil-ħerqa li jħennu għalih u jaħfrulu dnubietu. Kien joqgħod quddiemhom b’qima kbira, bħallikieku kien tassew quddiem Sidu. Fuq xejn ma kien jitkellem daqshekk sikwit u bil-ħeġġa daqskemm fuq l-imħabba qaddisa; u kien jixtieq isawwabha fi qlub il-bnedmin kollha.

Kien iħeġġeġ ħafna lil ħutu r-reliġjużi għal din il-virtù, u ħafna drabi kien itennilhom dawk il-kelmiet tassew ħelwin ta’ Ġesu Kristu: Kont marid u ġejtu żżuruni. Tabilħaqq, dawn il-kelmiet kienu donnhom imnaqqxa f’qalbu; aktar ma kien jgħidhom, aktar kien itennihom.

L-imħabba ta’ Kamillu kienet kbira bil-bosta u qalbu miftuħa beraħ għal kulħadd, hekk li mhux biss, kien jaqdi lill-morda u l-moribondi, iżda bit-tjieba u l-ħniena kbira tiegħu kien iħaddan lill-foqra u l-imsejkna kollha, kienu min kienu. Il-ħniena ta’ qalbu għal min ikun fil-bżonn kienet hekk tal-għaġeb li sikwit kien jgħid: “Jekk ma ssibux iżjed foqra fid-dinja, jenħtieġ li l-bnedmin joħorġu jfittxuhom u jaqilgħuhom minn taħt l-art, biex jagħmlulhom il-ġid u jħennu għalihom.”

RESPONSORJU                                            1 Tess 5:14. 15. 18; Rum 15:17

1.Għinu lid-dgħajfa, fittxu dejjem il-ġid ta’ kulħadd; * Dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesu.

2. Ilqgħu lil xulxin, bħalma Kristu wkoll laqa’ lilkom, għas-sebħ ta’ Alla. * Dan hu li jrid Alla minn għandkom fi Kristu Ġesu.

Talba

O Alla, int żejjint bi grazzja liema bħalha lis-saċerdot San Kamillu de Lellis biex jaqdi b’imħabba kbira lill-morda; għall-merti tiegħu, sawwab fina l-Ispirtu tal-imħabba tiegħek, biex naqdu lilek f’ħutna l-bnedmin, ħa nkunu nistgħu nqawwu qalbna li minn din il-ħajja ngħaddu għal għandek. B’Ibnek.