L-Arċisqof lill-vittmi tad-droga: M’intomx weħidkom!

L-Erbgħa, 30 ta’ Ġunju 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Quddiesa ta’ Jum il-Gradwazzjoni tal-Caritas. Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan, San Ġiljan.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fl-ewwel qari li nqara minn wieħed minnkom insibu dawn iż-żewġ ulied: Iżakk u Ismagħel it-tifel ta’ Ħagar li kienet seftura ta’ Sara u li l-Mulej ippermetta li Abraham ikollu iben minnha. Meta twieled Iżakk, Sara bdiet tħares bl-ikrah lejn Ħagar u t-tifel tagħha, u Abraham kellu jtellaq lill-omm u lit-tifel. Il-qari li smajna jikkonkludi li Alla ma abbandunax lit-tifel ta’ Ħagar, anzi jgħidilha: “Qum. Aqbad it-tifel, u agħmel il-qalb bih, għax jien sa nagħmlu ġens kbir” (Ġen 21:18). Alla ma jabbanduna ’l ħadd. Jista’ jkun li t-tifel ta’ Ħagar ma kienx minn ta’ Sara, imma kien minn Ħagar imma xorta waħda l-Mulej ħa ħsiebu.

Nixtieqkom, għeżież gradwati u residenti li qegħdin tagħmlu ħilitkom f’dan il-programm, tiftakru f’din il-ħaġa: Alla ma jinsiniex. Alla anke f’ċirkustanzi diffiċli jagħti l-għajnuna. Fil-fatt, fis-salm responsorjali smajna dan il-versett sabiħ: “Dan il-fqajjar sejjaħ lill-Mulej u l-Mulej semgħu u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu” (S 33:7). Tkun ħaġa sabiħa li mill-esperjenza li għaddejtu u li qed tgħaddu minnha tħossu wkoll li l-Mulej jisma’ l-karba qawwija ta’ qalbkom għall-ħelsien u għal ħajja ġdida. M’intomx weħidkom!

Intom l-għaxra li llejla se tiggradwaw mill-Caritas, illum tirringrazzjaw lil Alla tal-isforz kbir li sar sabiex tiksbu dan ir-riżultat. Intom tafu li l-follow up huwa neċessarju għax jekk nerħu hemm il-faċilita nerġgħu niżolqu, in-natura tal-bniedem hi dik li hi. Għal min qiegħed fil-programm ngħidlu biex ma jaqtax qalbu u jagħmel kuraġġ. M’hemm xejn faċli! L-imħabba mhijiex faċli imma worth it. F’mument ta’ diffikultà ftakar f’dan il-vers: “Il-fqajjar sejjaħ ’l Mulej u semgħu”           

Fl-Evanġelju Ġesù jiltaqa’ mal-għadu tagħna, ix-Xitan. Ix-Xitan jibża’ minn Ġesù. Ma ninsewx li l-ħażen jibża’ minn Ġesù. Ġesù għandu l-qawwa fuq il-ħażen ta’ ġewwa fina u dak ta’ madwarna li tant ikiddna. “Aħna x’għandna x’naqsmu, Bin Alla? Ġejt hawn biex taħqarna qabel iż-żmien?” (Mt 8:29). Ir-risposta ta’ Ġesù hija konkreta. Donnu dawn iż-żewġ persuni li nisigmħu fl-Evanġelju kienu rrassenjati, jgħid l-Evanġelju: “Jekk toħroġna, ibgħatna fil-merħla tal-ħnieżer” (Mt 8:31). Ġesù jrid jillibera lil dawn iż-żewġ persuni maħkuma mix-Xitan, tant kienu qliel li ħadd ma kien jista’ jgħaddi minn hemm.

Ħafna drabi, fil-mumenti diffiċli tagħna, insiru wkoll nies diffiċli u għandna bżonn nitolbu l-Mulej biex jeħlisna hu. Minn jaf kemm sitwazzjonijiet li permezz tagħhom ġagħalna lill-maħbubin u lill-familji tagħna jbatu, mhux bilfors għax ridna imma għaliex iċ-ċirkustanzi ġabuna hekk. Jekk inti vittma tad-droga, tajjeb li lllum tiftakar li m’intix waħdek għax hemm min iħobbok, hemm min ġabek fid-dinja, hemm min jixtieqlek il-ġid, li jbati u jsofri miegħek, u kultant minħabba fik.

Ma ninsewx li l-għażliet li nagħmlu qatt ma jkunu għalina biss imma jaffettwaw lil ħaddieħor, b’mod speċjali lil min iħobbna tassew. Għax min iħobbok bil-paroli, jiġrilek x’jiġrilek għalih sitta u sitta jagħmlu tnax, imma min iħobbok jagħli, jinkwieta, u jsofri miegħek. Allura, intom tajjeb tieħdu din ir-responsabbiltà: dak li nagħmel lili nnifsi mhux għax ma nagħmlu biss lili nnifsi għax jien għandi wkoll il-familja tiegħi, lil min iħobbni, lil marti, lis-sieħba, lis-sieħeb, lil uliedi, lill-ġenituri, lil ħuti. ir-responsabbilta. Għalhekk, għandna bżonn  nitolbu ’l Mulej biex jgħinna naqbdu t-triq tal-vera paċi, ta’ serenità,  ta’ normalità, inħarsu lejh u ngħidu “Mulej, għinni”. Meta jgħaddi minn fuqkom il-maltemp, tibżgħux, taqtgħux qalbkom, u fittex minnufih l-għajnuna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply