Lezzjoni II: Santa Briġida

Print Friendly, PDF & Email

23 ta’ Lulju SANTA BRIĠIDA, RELIĠJUŻA

Tifkira

Santa Briġida twieldet fl-Isvezja fl-1303; iżżewġet żagħżugħa u kellha żwieġ hieni li fih twieldu u trabbew tmint itfal, fosthom Santa Katerina tal-Isvezja. Daħlet terzjarja franġiskana u meta romlot ingħatat għal ħajja aktar axxetika. Imbagħad waqqfet Ordni reliġjuż. Kienet eżempju ta’ virtujiet kbar għal kulħadd u kellha rivelazzjonijiet mistiċi. Ħadmet biex il-Papa jerġa’ jmur lura f’Ruma minn Avignon. Wara pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa reġgħet lura Ruma, fejn mietet fl-1373. Ħallitilna ħafna opri li fihom kitbet dwar il-ġrajjiet mistiċi li minnhom għaddiet. Il-Papa San Ġwann Pawlu II ħatarha patruna tal-Ewropa fl-1999.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari minn talb li jingħad li hu ta’ Santa Briġida

(Oratio 2:Revelationum Birgittae libri, )

Ħsibijiet Kristu s-Salvatur

Tkun imbierek, Mulej tiegħi Ġesu Kristu; li ħabbart il-mewt tiegħek minn qabel, li fl-ikla tal-aħħar qbadt il-ħobż tagħna u b’mod tal-għaġeb ikkonsagrajtu f’ġismek l-għażiż, u bi mħabba kbira tajtu lill-Appostli b’tifkira tal-passjoni mqaddsa tiegħek; iċċekkint u wrejtna l-umiltà kbira tiegħek meta b’idejk stess, hekk qaddisa u għeżież, inżilt taħslilhom saqajhom.

Ġieħ lilek, Mulej tiegħi Ġesu Kristu, li minn ġismek bla ħtija ħriġt għaraq tad-demm bil-biża’ tal-passjoni u l-mewt tiegħek; u b’danakollu temmejt sal-aħħar il

fidwa li ridt tagħtina, biex b’mod l-iżjed ċar turi l-imħabba li kellek għall-bnedmin.

Tkun imbierek, Mulej tiegħi Ġesu Kristu, li ħallejthom jeħduk għand Kajfa; fl-umiltà tiegħek ħallejthom jagħtuk f’idejn Pilatu biex jagħmel ħaqq minnek, int l-imħallef ta’ kulħadd.

Glorja lilek, Mulej tiegħi Ġesu Kristu, għaż-żeblih kollu li lqajt meta libbsuk il-porpra, qegħdulek fuq rasek kuruna ta’ xewk l-iżjed iebes, beżqulek fuq il-wiċċ glorjuż tiegħek, għattewlek għajnejk u b’sabar tal-għaġeb ħallejt l-idejn ta’ nies ħżiena u bla ħniena jsawwtuk u jaħqruk fuq ħaddejk u fuq għonqok.

Tifħir lilek, Mulej tiegħi Ġesu Kristu, li ħallejthom jorbtuk mal-kolonna, isawwtuk u jiqlielu fuqek, jeħduk quddiem Pilatu bid-demm iċarċar ma’ ġismek, u tidher qisek Ħaruf bla ħtija.

Ġieħ lilek, Mulej tiegħi Ġesu Kristu, li kkundannawk għall-mewt, u, b’ġismek glorjuż kollu dmija, ġarrejt salibek bit-tbatija fuq spallejk imqaddsa, u ħallejthom iwassluk bil-herra fuq il-Kalvarju, ineżżgħuk u jsammruk mas-salib.

Ġieħ għal dejjem lilek, Mulej Ġesu Kristu, li, minkejja d-dwejjaq kbar li kellek, tfajt ħarsa ta’ tjieba, ta’ mħabba u umiltà lejn ommok l-għażiża, li qatt ma dinbet u qatt ma riedet tagħmel l-iċken dnub, u, biex tfarraġha, fdajtha f’idejn id-dixxiplu tiegħek biex jibqa’ jħarisha bil-fedeltà.

Tkun imbierek għal dejjem, Mulej tiegħi Ġesu Kristu, li, xħin kont f’taqbida mal-mewt, fil-ħniena tiegħek wegħedt il-glorja tal-ġenna lill-ħalliel li dar lejk, u b’hekk

imlejt lill-midinbin kollha bit-tama tal-maħfra.

Tifħir lilek għal dejjem, Mulej tiegħi Ġesu Kristu, ghal kull siegħa ta’ mrar u dwejjaq kbar li sofrejt fuq is-salib għalina l-midinbin; il-ġrieħi tiegħek ġagħluk tbati wġigħ liema bħalu, li nifed u ċarrat il-qalb imqaddsa tiegħek u baqa’ dieħel sal-ispirtu hieni tiegħek, sakemm qalbek inqasmet, mejjilt rasek, u bl-umiltà raddejt ruħek f’idejn Alla Missierek, u bqajt mejjet b’ġismek kiesaħ.

Tkun imbierek, Mulej tiegħi Ġesu Kristu, li b’demmek l-għażiż u l-mewt imqaddsa tiegħek fdejt l-erwieħ, ħennejt għalihom, u minn dan l-eżilju daħħalthom fil-ħajja ta’ dejjem.

Tkun imbierek, Mulej tiegħi Ġesu Kristu, li għas-salvazzjoni tagħna ħallejthom jinfdulek ġenbek u qalbek b’lanza, u mill-istess ġenb ħriġt demm għażiż u ilma

għall-fidwa tagħna.

Glorja lilek, Mulej tiegħi Ġesu Kristu, ii ridt lil ħbiebek iniżżlu l-ġisem imbierek tiegħek mis-salib u jqegħduh f’dirgħajn ommok l-imnikkta biex tgeżwrek fl-għażel, ħalli jidfnuk fil-qabar, fejn ħallejt ukoll li xi suldati joqogħdu għassa miegħek.

Ġieħ lilek għal dejjem, Mulej tiegħi Ġesu Kristu, li wara tlitt ijiem qomt mill-imwiet, urejt lilek innifsek ħaj lil dawk li għoġbuk, u wara erbgħin jum quddiem ħafna xhieda tlajt is-sema, fejn tajt post ta’ ġieħ lil ħbiebek li ħlisthom mit-telfien.

Ferħ u tifħir lilek għal dejjem, Mulej Ġesu Kristu, li sawwabt l-Ispirtu s-Santu fi qlub id-dixxipli, u kattart l-imħabba divina tiegħek bla qjies fl-ispirtu tagħhom.

Tkun imbierek u mfaħħar u gglorifikat għal dejjem, Sidi Ġesu, li qiegħed fuq it-tron fis-saltna tiegħek tas-sema, fil-glorja tiegħek ta’ Alla li int, ħaj fil-ġisem bil-membri qaddisa kollha tiegħek li inti ħadt mill-ġisem tal-Verġni. U hekk għad tiġi nhar il-ħaqq, biex tagħmel ħaqq mill-bnedmin kollha ħajjin u mejtin: int li mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

RESPONSORJU                                                         ara Apok l:5. 6a; Ef 5:2a

1. Kristu ħabbna u ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu; * U għamilna saltna, qassisin għal Alla Missieru.

2. Imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina. * U għamilna saltna qasssisin għal Alla Missieru.

Talba

Mulej Alla tagħna, int ħeġġiġt lil Santa Briġida biex timmedita l-passjoni ta ’ Ibnek, u wrejtha l-ħwejjeġ moħbija tas-sema; agħti lilna, qaddejja tiegħek, li nifirħu u nithennew bid-dehra tal-glorja tiegħek. B’Ibnek.