Ilbieraħ l-Papa Franġisku fakkar f’anniversarju “li jmiss il-qlub tagħna lkoll: 70 sena ilu, l-Papa Benedittu ġie ordnat saċerdot!”
Waqt li kien qed jindirizza lill-pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru għat-talba tal-Anġelus fis-Solennità ta’ San Pietru u San Pawlu, l-qaddisin patruni tal-belt ta’ Ruma, l-Papa qal: li “Għalik, Benedittu, għażiż missier u ħija, tmur l-affezzjoni tagħna, l-gratitudni tagħna u l-qrubija tagħna.”
Huwa qal lil dawk preżenti, li l-Papa Emeritu qed jgħix f’monasteru, “post maħsub biex jilqa’ fih il-komunitajiet kontemplattivi hawn fil-Vatikan, sabiex ikunu jistgħu jitolbu għall-Knisja.”
L-Papa kompla jgħid, li hu qed iqatta’ ħajtu jitlob għall-Knisja u għad-djoċesi ta’ Ruma, li tagħha huwa isqof emeritu: “Grazzi, Benedittu, għażiż missier u ħija. Grazzi tax-xhieda kredibbli tiegħek. Grazzi tal-ħarsa tiegħek, kontinwament diretta lejn Alla: grazzi!”
Il-Papa Franġisku fakkar ukoll li għada, l-1 ta’ Lulju, ser issir ġurnata speċjali ta’ talb u riflessjoni għal-Libanu fil-Vatikan.
Fil-kummenti tiegħu wara l-Anġelus, il-Papa semma wkoll li l-Ħamis, 1 ta’ Lulju, se jimmarka l-160 anniversarju mill-ewwel edizzjoni ta’ L’Osservatore Romano, il-gazzetta ta’ kuljum tal-Vatikan.
“Jien insejħilha l-‘gazzetta tal-partit’”, filwaqt bagħat lill-istaff kollu l-isbaħ xewqat u rringrazzjhom għas-servizz tagħhom. “Komplu x-xogħol tagħkom b’fedeltà u kreattività,” huwa qal.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-06/pope-angelus-peter-and-paul-benedict-xvi-lebanon-osservatore.html