Il-Papa Franġisku temm il-kors tal-kura ta’ wara l-operazzjoni tiegħu u se jibqa’ l-Isptar Gemelli ta’ Ruma ftit jiem oħra sabiex “itejjeb aktar it-terapija medika u ta’ rijabilitazzjoni”. Dan qalu d-Direttur tal-Uffiċċju tal-Istampa tas-Santa Sede, Matteo Bruni.
Fil-bullettin mediku tiegħu, huwa spjega li nhar il-Ħadd qabel ir-reċita tal-Anġelus, il-Papa ltaqa’ ma’ pazjenti tas-sala tal-onkoloġija li tinsab fil-qrib ta fejn qed jirkupra hu u mal-membri tal-familji tagħhom. Il-pazjenti aktar tard akkumpanjaw lill-Papa fit-terrazzin tal-għaxar sular għall-Anġelus.
Wara, il-Papa sellem lill-pazjenti u tkellem fil-qosor mal-istaff mediku u mal-infermiera. Wara nofsinhar, huwa ċċelebra Quddiesa f’kappella privata mal-istaff li jgħinuh kuljum.
L-istqarrija tikkonkludi li l-Papa qasam il-ferħ tiegħu ma’ dawk ta’ madwaru għar-rebħa tat-timijiet tal-futbol nazzjonali Arġentin u Taljan. Huwa offra l-ħsibijiet tiegħu dwar it-tifsira u l-valuri tal-isport, u dwar il-kapaċità fl-attività sportiva li tkun tista’ taċċetta kwalunkwe riżultat, anke telfa, u qal “b’dan il-mod biss, quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja, nistgħu dejjem ninvolvu ruħna, niġġieldu mingħajr ma naqtgħu qalbna, bit-tama u l-fiduċja”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-07/pope-francis-to-remain-a-few-more-days-in-hospital.html