Direzzjoni, Protezzjoni, Attenzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 18 ta’ Lulju 2021: Omelija tas-16-il Ħadd matul is-sena mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Ħal Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Ix-xbieha ta’ Kristu Ragħaj kienet xbieha għażiża ħafna għall-ewwel Insara. Kellha l-għeruq tagħha ħafna snin qabel meta, kif naraw fit-Testment il-Qadim, il-Mulej hu mfisser bħala ragħaj li jieħu ħsieb il-poplu tiegħu. Għedna llum fis-Salm 23, li tant nafuh: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni”. U l-ewwel Insara kienu jiftakru speċjalment f’dan meta jaraw din ix-xbieha ta’ Kristu ragħaj li qed jieħu ħsieb il-merħla tiegħu.

Nifhmu tassew x’jiġifieri għalina llum Kristu ragħaj meta aħna naħsbu ftit fuq dak li għandna bżonn tassew f’ħajjitna. Ħa nsemmi tliet bżonnijiet importanti ħafna.

Jagħraf il-bżonnijiet tal-ħajja

L-ewwel nett għandna bżonn ta’ direzzjoni f’ħajjitna – li aħna nagħrfu kif nimxu l-mixja ta’ ħajjitna fit-triq it-tajba. Nindunaw kemm dan hu bżonn meta naħsbu ftit kif kultant aħna ninġibdu minn ħaġa u minn oħra, immorru ’l hawn u mmmorru ’l hinn, għax ikun hemm dak li għalina hu attrazzjoni.  Għandna bżonn direzzjoni biex inkunu nafu li mexjin fit-triq it-tajba ħalli s-snin li għandna hawnhekk ikunu snin li fihom aħna ngħixu tassew fit-triq it-tajba.

Aħna għandna bżonn ta’ protezzjoni f’ħajjitna, speċjalment li nkunu protetti minn dak li jkun ta’ theddida u ta’ tfixkil għal ħajjitna, bħalma jkun min irid jidħak bina jew inkella min b’xi mod jew ieħor jagħmlilna l-ħsara. Għalhekk għandna bżonn ta’ min iħarisna.

U għandna bżonn ta’ attenzjoni, jiġifieri ta’ min tassew jimpurtah, ta’ min jagħti każ, ta’ min jaf iħobb.

Nindunaw li, kif għarfu l-ewwel Insara, hekk għarfet il-Knisja u hekk għandna nagħrfu aħna llum li fi Kristu aħna għandna r-ragħaj li jagħraf il-bżonnijiet tagħna ta’ direzzjoni, protezzjoni u attenzjoni, u jagħtina dak li neħtieġu fil-ħajja. Fis-silta tal-lum għandna turija ta’ dan. Ġesù għaraf il-bżonnijiet kemm tad-dixxipli tiegħu, kif ukoll ta’ dawk in-nies, tal-folla.

Mistrieħ u Tagħlim

Meta d-dixxipli tiegħu ġew jgħidulu dak li għamlu u għallmu, Ġesù għaraf il-bżonn tagħhom ta’ mistrieħ. Qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss waħedikom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”. Għax Ġesù jaf li l-mistrieħ hu bżonn f’ħajjitna. Jekk aħna nimmaġinaw li mhuwiex bżonn, nintebħu ħafna drabi għas-spejjeż tagħna kemm inkunu għamilna żball.

Ġesù kien jimpurtah mid-dixxipli tiegħu. Ma kienx bagħathom biss biex jaħdmu u jgħallmu, imma għaraf ukoll il-bżonn ta’ mistrieħ li kellhom.

Imma l-Evanġelju jgħid li meta marru f’post biex jistrieħu, kien hemm in-nies li ndunaw u filwaqt li d-dixxipli marru bid-dgħajsa, in-nies marru bil-mixi u laħquhom. L-Evanġelju jgħid: “Xħin niżel l-art mid-dgħajsa, ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom għax kienu qishom ngħaġ bla ma għandhom ragħaj.” Ġesù għaraf hemmhekk il-bżonn li kellhom in-nies ta’ direzzjoni fil-ħajja. Għall-mument Ġesù nnifsu, flok straħ, qagħad jgħallem lin-nies, għax għaraf li dak kien bżonn kbir li kellhom, huma li kienu qishom “ngħaġ bla ma għandhom ragħaj”. Meta qagħad jgħallimhom, kien qed jagħtihom id-direzzjoni fil-ħajja.

Iħarisna fil-mumenti ta’ dlam

Għalhekk, kif għedna fis-Salm, il-Mulej hu dak li “ħdejn l-ilma fejn nistrieħ jeħodni” u li “jmexxini fit-triq tas-sewwa”. Hu dak ukoll li jħarisna, li jipproteġina. Fis-Salm għedna: “Imqar jekk nimxi f’wied mudlam ma nibżax mill-ħsara għax inti miegħi”. Din hija l-fiduċja tagħna f’Ġesù bħala ragħaj li lilna jipproteġina, imqar f’dawk l-iktar mumenti diffiċli tal-ħajja.

Aħna lkoll imsejħin biex nagħrfu lil Kristu bħala r-ragħaj li lilna jmexxina fit-triq tas-sewwa, li jipproteġina, li jimpurtah minna u tassew iħobbna u jixtieq jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina. Li jitlob minna hu li aħna naċċettawh lil Kristu bħala r-ragħaj tagħna, u li nfittxuh. Hawnhekk jolqtok kif dawn in-nies, meta għarfu fi Kristu dak li jista’ jmexxihom, dak li jipproteġihom, dak li jimpurtah minnhom, għamlu minn kollox biex jaslu għandu. Għal mument ħasbu li ħarbilhom, għax kien hemm u rawh tielaq. Imma mbagħad indunaw li Ġesù mhuwiex dak li jaħrab mill-bżonnijiet tagħhom, imma dak li jagħraf dawn il-bżonnijiet u jagħtihom dak li hu ta’ ġid għalihom.

Nitolbu lill-Mulej biex ikun għalina f’ħajjitna r-ragħaj tagħna li jmexxina, li jipproteġina u miegħu nafu li aħna fiż-żgur, u li jagħtina dak li hu tassew ta’ ġid għalina.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply