Mill-frott tagħhom nagħrfuhom

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 26 ta’ Lulju 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tifkira ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Qegħdin nagħmlu llum it-tifkira ta’ nannu u nanna speċjali għax huma n-nanniet ta’ Ġesù – Sant’Anna u San Ġwakkin. Kien proprju minħabba fihom li l-Papa Franġisku ried li minn din is-sena jkun hemm Jum iddedikat għan-nanniet, u għażel il-Ħadd l-aktar qrib il-festa tal-lum, għalhekk iċċelebrajna lbieraħ dan il-Jum iddedikat għan-nanniet.

Hi okkażjoni speċjali meta niċċelebraw lil Sant’Anna u San Ġwakkin għax aħna niftakru f’binthom Marija, u f’Ġesù bin Marija. Proprju għalihom toqgħod ħafna dik il-kelma li kien qal Ġesù: “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom”. Aħna ma għandniex dettalji tal-ħajja tagħhom, imma jekk aħna nħarsu lejn Marija u naraw kif Marija kienet imrobbija biex f’ħajjitha tfittex l-essenzjal – ir-rieda ta’ Alla – u tagħmel minn ħajjitha ħajja ta’ tifħir lil Alla, nifhmu x’formazzjoni rċeviet, xi trobbija tajba rċeviet mill-ġenituri tagħha. Fil-fatt, hemm dak l-innu sabiħ tal-Magnificat, innu ta’ tifħir lil Alla, li naħseb li jirrifletti l-formazzjoni li Marija rċeviet. Fih naraw rifless tal-ħajja ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin.

Marija tgħid: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi”. Qed tgħid li ħajjitha hi ħajja ta’ tifħir lil Alla, għax Alla hu li jsalva. Dak tgħallmet mill-ġenituri tagħha Anna u Ġwakkin. U Marija turina kif l-ewwel talba tagħna għandha tkun talba ta’ tifħir u ringrazzjament lil Alla.  Il-Papa Franġisku, fil-messaġġ li bagħat lin-nanniet għall-Jum Dinji ddedikat lilhom, jgħid kemm hu importanti li aħna nagħtu valur lit-talb. Qed jgħid lin-nanniet u lill-anzjani li kultant ikun hemm min jgħid: “jien issa fil-kundizzjoni tiegħi, jew minħabba l-età tiegħi, jew kif qiegħed jew qiegħda hawnhekk, ma nista’ nagħmel xejn ħlief nitlob”. Qed tagħmel l-aqwa ħaġa! Tista’ tagħmel l-aqwa ħaġa jekk titlob, għax dan hu kontribut hekk importanti għall-Knisja u għas-soċjetà.

Marija tgħid fil-Magnificat: “xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu”. Qed tgħid għaliha, imma qed tgħid ukoll għall-ġenituri tagħha, Anna u Ġwakkin. Dawn kienu ta’ ħajja mill-aktar ordinarja imma qdew lill-Mulej f’din il-ħajja ordinarja b’fedeltà u b’ħafna mħabba. Tfakkarna kemm hu importanti li aħna naqdu lill-Mulej fejn isejħilna, proprju fil-ħajja ordinarja, u naqduh bħal Anna u Ġwakkin b’fedeltà u bi mħabba. Jekk inti nannu jew nanna, missier jew omm, jew għandek xi sejħa oħra fil-ħajja, tista’ taqdi lill-Mulej fil-ħajja ta’ kuljum, u hemm l-iktar sejħa importanti, kif taqdih fuq l-eżempju ta’ dawn il-qaddisin b’ħafna mħabba u ġenerożità u b’responsabbiltà.

Fil-Magnificat, Marija tħares lura lejn dak li Alla għamel ma’ Israel, kif Alla ħares lill-poplu tiegħu. Titfa’ ħarsitha lura, turina kemm hu importanti li aħna nagħrfu napprezzaw l-għerf li ġej mill-imgħoddi, l-għerf tal-antentati tagħna. Nagħrfu napprezzaw il-memorja. Papa Franġisku jsejjaħ lin-nanniet u lill-anzjani “ħarriesa tal-memorja”. Għax meta aħna nħarsu l-memorja tal-passat, nistgħu nibqgħu ngħożżu l-valuri l-iktar importanti li kien hemm fl-imgħoddi u li għadhom jgħoddu llum, u nistgħu wkoll – jekk verament ma ninsewx –  nevitaw l-iżbalji tal-imgħoddi, ma nirrepetuhomx. Għalhekk l-għerf li ġej mill-anzjani, min-nanniet tagħna, iservina ta’ ġid fl-għażliet li rridu nagħmlu llum.

Nirringrazzjaw lill-Mulej għal Sant’Anna u San Ġwakkin, in-nanniet ta’ Ġesù. Nitolbuh li, ispirati minnhom, aħna nfittux li l-ħajja tagħna tkun ħajja ta’ tifħir lil Alla, li naqduh fil-ħajja ordinarja bl-għażliet tal-ħajja ta’ kuljum, u li dejjem ngħożżu l-għerf li ġej min-nanniet u mill-anzjani tagħna li jista’ jservina tassew ta’ ġid għall-għażliet li rridu nagħmlu fil-ħajja llum.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply