Qari tat-Tnejn wara l-Epifanija

Print Friendly, PDF & Email

Ferji bejn is-solennità tal-Epifanija u l-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej. It-Tnejn.

Qari I

L-ispirti stħarrġuhom, biex taraw ikunux ġejjin minn Alla.

1 Ġw 3, 22 – 4, 6

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, kulma nitolbu naqilgħuh mingħand Alla, għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu. Dan hu l-kmandament tiegħu: li nemmnu fl-isem ta’ Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu ’l xulxin, kif wissiena hu. Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jgħammar f’Alla u Alla fih. B’hekk nagħrfu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana.

Għeżież, mhux lil kull xorta ta’ spirti għandkom temmnu. L-ispirti stħarrġuhom, biex taraw ikunux ġejjin minn Alla; għax kienu ħafna l-profeti foloz li ħarġu fid-dinja. L-ispirtu ta’ Alla tagħrfuh b’dan: kull spirtu, li jistqarr li Ġesù Kristu sar bniedem, hu minn Alla. U kull spirtu, li ma jistqarrx lil Ġesù, mhuwiex minn Alla; dan hu l-ispirtu tal-antikrist, li intom smajtu li għandu jiġi, anzi minn issa stess ġa qiegħed fid-dinja.

Intom ġejjin minn Alla, uliedi, u ġa għelibtuhom, għax dak li hemm jgħammar fikom hu akbar minn dak li hemm fid-dinja. Dawk huma mid-dinja; għalhekk jitkellmu skont id-dinja, u d-dinja lilhom tagħti widen. Aħna, iżda, ġejjin minn Alla; mela min jagħraf ’l Alla jisma’ lilna, u min mhuwiex minn Alla ma jagħtiniex widen. Minn dan nagħrfu liema hu l-ispirtu tal-verità u liema hu l-ispirtu tal-gideb.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 2, 7-8.10-11

R/. (8a): Il-ġnus nagħtik b’wirtek

Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej;

hu qalli: “Ibni int, jien illum nissiltek.

Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek,

u truf l-art bi priża tiegħek”. R/.

U issa, slaten, ifhmu sewwa;

twiddbu, intom li taħkmu l-art.

Aqdu lill-Mulej bil-biża’,

u bir-rogħda riġlejh busu. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 4, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna

u fejjaq kull xorta ta’ mard fost il-poplu.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Is-Saltna tas-Smewwiet waslet.

Mt 4, 12-17. 23-25

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nazaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal:

“Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,

it-triq tal-baħar, art ’l hemm mill-Ġordan,

Galilija tal-ġnus!

Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir ;

dawk li kienu f’art u dell il-mewt

idda dawl għalihom”.

Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is- Saltna tas-Smewwiet waslet”. U dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu. Il-fama tiegħu xterdet mas-Sirja kollha, u bdew iġibulu lil kull min kellu xi hemm fuqu, dawk li kienu jbatu b’xi mard jew uġigħ, il-maħkumin mix-xitan, il-morda b’tal-qamar, il-mifluġin, u kien ifejjaqhom. U bdew imorru warajh folol kbar mill-Galilija, mid-Dekapoli, minn Ġerusalemm u mil-Lhudija, u mill-inħawi ’l hemm mill-Ġordan.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu