Qari tas-Sibt wara l-Epifanija

Print Friendly, PDF & Email

Ferji bejn is-solennità tal-Epifanija u l-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej. Is-Sibt.

Qari I

Jekk nitolbu xi ħaġa skont ir-rieda tiegħu, Alla jismagħna.

1 Ġw 5, 14-21

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież, din hi l-fiduċja sħiħa li għandna fl-Iben ta’ Alla, li jekk nitolbu xi ħaġa skont ir-rieda tiegħu, hu jismagħna. U ladarba nafu li hu jismagħna f’dak li nitolbu, mela nafu wkoll li kulma tlabnieh jinsab diġà għandna.

Jekk wieħed jara lil ħuh jaqa’ f’xi dnub li ma jwassalx għall-mewt, wieħed għandu jitlob u Alla jagħtih il-ħajja. Dan qiegħed ngħidu għal min jagħmel dnub li ma jwassalx għall-mewt. Għax hemm dnubiet li jwasslu għall-mewt, imma jien mhux għal dawn qiegħed ngħid li wieħed għandu jitlob. Kull inġustizzja hija dnub, imma mhux kull dnub iwassal għall-mewt.

Aħna nafu li kull min hu mwieled minn Alla ma jidnibx, imma l-Imnissel minn Alla jħarsu mid-dnub, u l-Ħażin ma jmissux b’idejh. Nafu li aħna ġejjin minn Alla u li d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin. Imma nafu wkoll li l-Iben ta’ Alla ġie u tana d-dehen biex nagħrfu ’l Alla l-veru. U aħna ninsabu f’Alla l-veru, f’Ibnu Ġesù Kristu. Dan hu Alla l-veru, u l-ħajja ta’ dejjem. Uliedi, ħarsu rwieħkom mill-idoli!

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 149, 1-2.3-4.5 u 6a u 9b

R/. (4a): Il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Għannu lill-Mulej għanja ġdida:

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu,

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom! R/.

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu,

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu,

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa. R/.

Bil-glorja jithennew ħbiebu,

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom:

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;

dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Il-ħabib tal-għarus jifraħ ħafna meta jisma’ leħen l-għarus.

Ġw 3, 22-30

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie mad-dixxipli tiegħu fl-art tal-Lhudija, u baqa’ hemm magħhom jgħammed. Ġwanni wkoll kien qiegħed jgħammed f’Għajnun, qrib Salim, għax f’dik in-naħa kien hemm ħafna ilma; u n-nies kienet tiġi biex titgħammed. Sa issa lil Ġwanni kienu għadhom ma tefgħuhx fil-ħabs.

Ġara mela li d-dixxipli ta’ Ġwanni tlewmu ma’ wieħed Lhudi fuq ir-rit tal-purifikazzjoni, u ġew għand Ġwanni jgħidulu: “Rabbi, kien hemm raġel miegħek in-naħa l-oħra tal-Ġordan, dak li int xhedt għalih. Issa, ara, hu qiegħed jgħammed, u kulħadd sejjer għandu”. Ġwanni weġibhom: “Ħadd ma jista’ jirċievi xi ħaġa jekk ma tingħatalux mis-sema. Intom stess tistgħu tixhdu li jiena għedtilkom li: “jien m’iniex il-Messija”, imma biss li: “jien kont mibgħut qablu”. Dak li għandu l-għarusa huwa l-għarus; imma l-ħabib tal-għarus, li jkun ħdejh u jisimgħu, jifraħ ħafna meta jisma’ leħen l-għarus. U dan hu l-ferħ li bih qalbi mtliet. Jenħtieġ jikber hu u niċkien jiena”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu