L-Aħħar Werqa

Print Friendly, PDF & Email

Sue u Jane iltaqgħu fi Greenwich Village li jinsab fil-punent ta’ Washington Square, New York.  Sue kienet minn Boston u Jane minn Florida.  Ġew hawn biex jistudjaw l-arti.  Kienu jaqsmu l-kirja ta’ flat żgħir biex jiffrankaw il-flus.  Il-kors beda f’Settembru, u għall-ewwel kollox kien jidher li miexi ħarir.  Kienu jgħixu bit-tama li, bil-mod il-mod,  jibdew ilestu xi pittura u forsi juruha fil-ħanut tal-kantuniera.  Is-sid kien regettier anzjan minn tagħna u kien jismu Kowalski.  Kien ġie mill-Polonja ftit wara l-gwerra. Kien iħobb jgħin lill-istudenti u jagħmlilhom kuraġġ, għax darba hu wkoll kien iħobb ipinġi.

Il-ħarifa ta’ dik is-sena ġabet magħha influwenza aktar qawwija mis-soltu.  Nies bħal Jane, mhux imdorrijin  b’kesħa kbira, ħaduha mill-ewwel.  F’ħafna nies din żviluppat f’pulmunite.  Jane ukoll ma ħelsitiex.  Sue daret biha kemm felħet, imma wara ġimgħatejn, it-tabib qalilha li kien għamel li seta’.  Issa kien jonqos li Jane tippersevera fir-rieda biex tgħix.  Din biss seta’ jsalvaha.

Sue kienet tħajjarha tiekol u tagħmlilha kuraġġ.   F’kamritha Jane kellha tieqa li kienet tagħti għal fuq sqaq. Mal-ħajt ta’ faċċata  kien hemm pjanta tixxeblek.  Jane issa kienet iffissat ħarsitha fuq il-weraq ta’ dik il-pjanta.  Kull filgħodu,  Jane kienet tlissen numru: għoxrin, dsatax, tmintax…. Sue darba saqsietha: “X’inti tgħodd?” U Jane wieġbet: “ Qed tara dik il-pjanta tfarfar il-weraq għax il-ħarifa. Kuljum, werqa tisfar, imbagħad tinxef u taqa’.  Hekk se jiġri lili.  Mal-aħħar werqa, jien se ninxef u mmut.”

Sue ħarġet tiġri ‘l barra biex Jane ma tarahiex tibki. Baqgħet sejra dritt għand Kowalski u fetħet qalbha miegħu.  “X’inhu? U ma tarax. Dawn xi ħmerijiet huma li wieħed irid imut għax ftit weraq jaqgħu mal-art?” “Mur għidilha! Min jaf kieku tiġi taraha ftit taparsi int se tippużali biex inpenġik?”  “Jekk jirnexxilek tagħmel hekk, tassew toħroġ b’kapulavur,” iċċajta ftit magħha Kowalski biex forsi jikser xi ftit it-tensjoni.

Hekk għamlu. Telgħu fuq u sabu lil Jane tiċċassa lejn il-ħajt tal-bitħa.  “Żewġ weraq fadal. Kif titlaq l-aħħar waħda, jien nitlaq ukoll.”  Kowalski telgħetlu għoqla fi griżmejh u ma felaħx jitkellem. Ħares lejn il-ħajt u nduna li kienet ġejja tempesta tal-borra.  Qallhom: “Aħjar ninġabar għax bil-kbir ġejja.” U telaq.

L-għada filgħodu, Jane sabet il-purtieri magħluqin.  Għajtet lil Sue: “Ejja iftaħ il-purtieri ħa nara ż-żewġ werqiet għadhomx hemm.”  Kontra qalbha Sue fetħithom u b’għaġeb kbir tagħha, werqa waħda kienet għadha tħaddar iggranfata maz-zokk, minkejja l-buffura tal-lejl ta’ qabel. Jane bdiet tlaqlaq: “ U iva, imma naħseb illum taqa’, u jien immur ukoll.”  Anki Sue issa qatgħet qalbha u ma qalet xejn.

Dak il-lejl kien hemm riħ qawwi.  Kif Jane stenbħet, stagħġbet mhux ftit meta rat il-werqa għada hemm.   Kif Sue daħlet ħdejha qaltilha: “Xi ħaġa qiegħda ġġiegħel lil dik il-werqa tibqa’ ggranfata mal-ħajja.  Imissni nistħi li qtajt qalbi u ridt immut.  Dak brodu li qed inxomm?”  “Iva”, qaltilha Sue, u telqet biex iġġibilha ftit.  Wara li trejqet qalet lil Sue iġġibilha xkupilja biex tagħmel xagħrha. Għal erbat ijiem sħaħ, l-aħħar werqa baqgħet imwaħħla mas-siġra.  It-tabib dak in-nhar sabha tajba ħafna. “Kompli kul ikel bnin, u għandek tqum mis-sodda ma ddumx.  Issa se jkolli mmur għax Kowalski wkoll għandu pulmunite.  Se jkolli nieħdu l-isptar.”

Jumejn wara, Sue marret tqajjem lil Jane.  “Jiddispjaċini ngħidlek li Kowalski miet illum l-isptar.  Il-purtinar li  jieħu ħsieb dawn il-flats sabu ftit tal-ġranet ilu f’kamartu. Kien imxarrab għasra u kiesaħ silġ. Ma kellux ideja x’kien għamel. Imbagħad sab sellum fl-isqaq li nistgħu naraw mit-tieqa. Kien hemm lanterna għadha taqbad, pinzell u bott żebgħa ħadra.  Qatt m’għaddielek minn rasek, Jane, kif dik il-werqa baqgħet hemm wara dak ir-riħ, xita u borra li niżlet fuqha?   Kowalski pinġiha fuq il-ħajt eżatt wara l-aħħar werqa biex, meta tinxef u taqa’ int ma tindunax u tibqa’ tittama.  L-ebda tempesta ma żammitu lura. Kien ilu jipprova joħloq il-kapulavur tiegħu.  Issa rnexxielu, u bih salva ħajja.”

M’hemmx imħabba akbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għall-ieħor

Kitba ta’ Edward Tagliaferro

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.