Qari tal-Ħamis tat-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ħamis

Qari I

Min jien jien, Sidi Mulej, u min hi l-familja tiegħi?

2 Sam 7, 18-19.24-29

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

Wara li Natan kellmu, David mar quddiem il-Mulej, u qal: “Min jien jien, Sidi Mulej, u min hi l-familja tiegħi, biex wassaltni sa hawn? Imma dan kien għadu ftit f’għajnejk, Sidi Mulej; u issa tkellimt ukoll mill-familja tal-qaddej tiegħek għal żmien li għadu ’l bogħod. U dan turih lill-bniedem, Sidi Mulej! Int waqqaft il-poplu tiegħek Iżrael bħala poplu tiegħek għal dejjem; int, Mulej, sirt Alla tagħhom. U issa, Mulej Alla, il-kelma li int għedt dwar il-qaddej tiegħek u l-familja tiegħu, żommha għal dejjem, u agħmel kif għedt. B’hekk ismek ikun imfaħħar għal dejjem b’dan il-kliem: “Il-Mulej tal-eżerċti hu Alla fuq Iżrael!” U l-familja tal-qaddej tiegħek David tibqa’ sħiħa quddiemek. Għaliex int, Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael, għarraft lill-qaddej tiegħek u għedtlu: “Jiena nibnilek dar”. Għalhekk il-qaddej tiegħek għamel il-qalb li jagħmillek din it-talba. U issa, Sidi Mulej, int Alla, il-kelma tiegħek hi sewwa, u int wegħedt dan il-ġid lill-qaddej tiegħek. Qum u bierek il-familja tal-qaddej tiegħek, ħalli tibqa’ sħiħa quddiemek għal dejjem! Għax int, Sidi Mulej, tkellimt, u l-familja tal-qaddej tiegħek tkun imbierka għal dejjem minħabba fil-barka tiegħek!”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 131 (132), 1-2.3-5.11.12.13-14

R/. (Lq 1,32b): Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David

Ftakar, Mulej, f’David

u fl-hemm tiegħu kollu.

Ftakar kif hu ħalef lill-Mulej,

u wiegħed lil Alla, il-Qawwi ta’ Ġakobb. R/.

“Ma nidħolx taħt is-saqaf ta’ dari,

ma nitlax fuq il-friex ta’ soddti,

ma nagħlaqx għajnejja u norqod

u anqas nagħlaq xfar għajnejja bin-ngħas,

sa ma nsib post għall-Mulej,

għamara għal Alla, il-Qawwi ta’ Ġakobb”. R/.

Il-Mulej ħalef wegħda lil David,

u żgur li ma jerġax lura minnha:

“Wieħed min-nisel tiegħek

jiena nqiegħed fuq it-tron tiegħek! R/.

Jekk uliedek iħarsu l-patt tiegħi

u l-preċetti li jien nagħtihom,

uliedhom ukoll għal dejjem

joqogħdu fuq it-tron tiegħek”. R/.

Għax il-Mulej għażel ’il Sijon,

u xtaqha tkun id-dar tiegħu:

“Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem!

Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!” R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 118 (119), 105

Hallelujah. R/. Hallelujah

Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek,

u dawl fil-mogħdija tiegħi.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Il-musbieħ iġibuh biex iqegħduh fuq l-imnara. Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom.

Mk 4, 21-25

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-folla: “Jaqaw il-musbieħ iġibuh biex iqegħduh taħt is-siegħ jew taħt is-sodda? Mhux fuq l-imnara jqegħduh? Għax ma hemm xejn moħbi jekk mhux biex jingħaraf, u xejn ma hu mistur jekk mhux biex jinġieb għad-dawl. Jekk hawn min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”. U qalilhom: “Oqogħdu attenti x’tisimgħu! Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom, u jingħatalkom iżjed ukoll. Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu