Qari tal-Ġimgħa tat-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ġimgħa

Qari I

Int stmerrejtni, u ħadt lil mart Urija l-Ħitti biex tkun martek.

2 Sam 11, 1-4a.5-10a.13-17

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

Ġara li fil-bidu tas-sena, meta s-slaten soltu joħorġu għall-gwerra, David bagħat lil Ġowab, u l-qaddejja tiegħu, u Iżrael kollu għallgwerra; wara li ħarbtu l-art tal-Għammonin, dawru l-belt ta’ Rabba. Imma David baqa’ Ġerusalemm. Ġara li, għall-ħabta ta’ filgħaxija David qam minn friexu u mar jagħmel mixja fuq is-setaħ tal-palazz tas-sultan u minn fuq is-setaħ jilmaħ mara qiegħda tinħasel. Il-mara kienet sabiħa ħafna fl-għajn. U David bagħat jistaqsi min kienet dik il-mara. U qalulu: “Dik Batseba bint Eligħam, mart Urija l-Ħitti”. U David bagħat il-messaġġiera tiegħu għaliha; u hi daħlet għandu, u hu mtedd magħha. U l-mara tqalet u bagħtet tgħid lil David u qaltlu: “Jien tqalt”. Imbagħad David bagħat jgħid lil Ġowab: “Ibgħatli lil Urija l-Ħitti”. U Ġowab bagħat lil Urija għand David.

Meta Urija wasal, David staqsieh jekk kienx tajjeb Ġowab, kienx tajjeb l-eżerċtu, u jekk kinitx sejra tajjeb il-gwerra. U fl-aħħar qallu: “Inżel id-dar tiegħek, u aħsel riġlejk”. Urija ħareġ mill-palazz tas-sultan, u dan bagħatlu rigal. Iżda Urija raqad wara l-bieb tal-palazz tas-sultan mal-qaddejja ta’ sidu, u ma marx iddar. U għarrfu b’dan lil David. Qalulu: “Urija, ma marx f’daru”.

U l-għada David stiednu biex jiekol u jixrob miegħu, u sakkru. Filgħaxija Urija mar jorqod fuq friexu mal-qaddejja ta’ sidu, u d-dar ma niżilx. L-għada David kiteb ittra lil Ġowab u bagħathielu ma’ Urija. Fl-ittra kitiblu dan il-kliem: “Qiegħed lil Urija fl-eħrex tat-taqbida quddiem nett, u intom tbiegħdu minn warajh, ħalli joqtluh u jmut”. Meta Ġowab kien jassedja l-belt, qiegħed lil Urija fil-post fejn kien jaf li kien hemm nies mill-aktar qalbiena. In-nies tal-belt ħarġu u ħabtu għal Ġowab. Ħafna mill-eżerċtu, fosthom ukoll qaddejja ta’ David, waqgħu, u miet ukoll Urija l-Ħitti.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 3-4.5-6a.6bċ-7.10-11

R/. (ara 3a): Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

Għax jien nagħrafhom ħtijieti;

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt,

u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt. R/.

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek,

u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.

Ara, jiena ssawwart fil-ħtija,

u fid-dnub nisslitni ommi. R/.

Agħmel li nisma’ l-ferħ u l-hena,

biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.

Dawwar wiċċek minn ħtijieti;

ħassar ħżuniti kollha. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 11, 25

Hallelujah. R/. Hallelujah

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ir-raġel jixħet iż-żerriegħa u jorqod; iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif.

Mk 4, 26-34

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-folla: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad”.

U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha”.

B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-Kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu