Qari tar-Raba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Ir-Raba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus.

Ġer 1, 4-5. 17-19

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Fi żmien Ġosija,

ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:

“Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek;

qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.

Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus.

Ħażżem ġenbejk,

qum u għidilhom kulma nordnalek.

La tibżax minnhom,

għax inkella nbeżżgħek jien quddiemhom.

Arani llum se nagħmel minnek

belt fortizza,

kolonna tal-ħadid,

ħajt tal-bronż,

kontra l-pajjiż kollu,

kontra s-slaten ta’ Ġuda, u l-prinċpijiet tiegħu,

kontra l-qassisin tiegħu u l-poplu tal-pajjiż.

Huma jeħduha kontrik, imma ma jagħmlulek xejn,

għax jien inkun miegħek – oraklu tal-Mulej – biex neħilsek minnhom”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 70 (71), 1-2. 3-4a. 5-6ab. 15ab u 17

R/. (15): Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek

Fik, Mulej, jien nistkenn;

ma jkolli qatt għax ninfixel.

Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni;

agħtini widen u fittex eħlisni. R/.

Kun sur ta’ kenn għalija;

int wegħedt li tiġi dejjem issalvani,

għax blata u fortizza int għalija.

Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin. R/.

Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi;

Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

Fuqek serraħt sa minn twelidi,

sa minn ġuf ommi inti ħadtni. R/.

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,

il-jum kollu l-għemejjel tal-għajnuna tiegħek,

O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;

u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek. R/.

Qari II

Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.

1 Kor 12, 31 – 13, 13

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, intom ħabirku għal doni ogħla. Imma jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll. Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku. U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn. U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid.

L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.

L-imħabba ma tintemm qatt. Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf. Għalissa nafu biċċa, u l-profezija tagħna hi nieqsa; imma meta jfeġġ dak li hu sħiħ, jgħib dak li hu nieqes. Meta kont tarbija, kont nitkellem ta’ tarbija, inħoss ta’ tarbija, naħseb ta’ tarbija. Meta sirt raġel warrabt dak li hu ta’ tarbija. Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ. Issa nagħraf biċċa, imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa. Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba!

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Jew il-forma l-qasira

Qari II

Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.

1 Kor 13, 4-13

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, l-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt. Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf. Għalissa nafu biċċa, u l-profezija tagħna hi nieqsa; imma meta jfeġġ dak li hu sħiħ, jgħib dak li hu nieqes. Meta kont tarbija, kont nitkellem ta’ tarbija, inħoss ta’ tarbija, naħseb ta’ tarbija. Meta sirt raġel warrabt dak li hu ta’ tarbija. Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ. Issa nagħraf biċċa, imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa. Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba!

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 4, 18

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ġesù ma kienx mibgħut għal-Lhud biss.

Lq 4, 21-30

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies fis-sinagoga: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”. Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: “Tabib, fejjaq lilek innifsek”. Dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll!”. U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”. Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu