Qari tat-Tnejn tar-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Ir-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tnejn

Qari I

Ħa naħarbu minn quddiem Absalom. Ħallu lil Simgħi jisħet, għax hekk ordnalul-Mulej.

2 Sam 15, 13-14.30; 16, 5-13a

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien, marru jgħarrfu lil David u jgħidulu: “Il-qalb tal-Iżraelin daret għal wara Absalom”. U David qal lill-qaddejja kollha tiegħu li kienu miegħu Ġerusalemm: “Qumu, ħa naħarbu, għax m’hemmx ħelsien għalina minn quddiem Absalom. Fittxu għaġġlu, li ma jgħaġġilx aktar minna u jilħaqna u jġib il-ħsara fuqna, u jaħbat għall-belt u jgħaddiha minn xifer ix-xabla”. David tala’ l-għolja taż-żebbuġ, tiela’ u jibki, b’rasu mgħottija u miexi ħafi. U baqgħu telgħin u jibku, il-poplu kollu li kien miegħu, kulħadd b’rasu mgħottija.

U s-sultan David wasal sa Baħurim. U joħroġ minn hemm raġel mit-tribù tal-familja ta’ Sawl, li kien jismu Simgħi bin Gera, miexi u jisħet, u jwaddab iż-żrar għal David u għall-qaddejja kollha tas-sultan David u l-kotra kollha; imma l-kotra kollha u l-qalbenin kienu madwaru fuq ix-xellug u fuq il-lemin. U dan beda jgħid Simgħi hu u jisħet: “Itlaq ’l hemm! Itlaq ’l hemm, ja bniedem imċappas bid-demm, bniedem mill-agħar! Ħa jreġġa’ fuqek il-Mulej id-demm kollu ta’ dar Sawl, li dħalt issaltan floku, u jagħti l-Mulej is-saltna lil ibnek Absalom. Arak issa fl-għali tiegħek, għax int bniedem kollok dmija”.

U Abisaj bin Seruja qal lis-sultan: “Għala dan il-kelb mejjet qiegħed jisħet lil sidi s-sultan? Ħa mmur u naqtagħlu rasu barra!”. U s-sultan wieġeb: “X’hemm bejni u bejnkom, ulied Seruja? Jekk qiegħed jisħet, qiegħed jisħet għax ordnalu l-Mulej: “Isħet lil David!”. U min jista’ jgħidlu: “Għax qiegħed tagħmel hekk?”.

U David qal lil Abisaj u lill-qaddejja tiegħu kollha: “Araw, ibni li ħareġ mill-ġewwieni tiegħi, qiegħed ifittixli ħajti; kemm aktar issa, wieħed minn ulied Benjamin. Ħalluh jisħet, għax hekk ordnalu l-Mulej. Għandu mnejn il-Mulej jixħet għajnejh fuq l-hemm tiegħi u jroddli l-ġid flok is-saħta tal-lum”.

U David u l-qaddejja tiegħu baqgħu sejrin għal triqthom.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 3, 2-3.4-5.6-7

R/. (7b): Ma nibżax minn poplu sħiħ li jinġema’ madwari kontrija

Kemm kotru, Mulej, l-għedewwa tiegħi!

Ħafna huma dawk li qamu għalija;

ħafna huma dawk li jgħidu fuqi:

“M’hemmx salvazzjoni għalih f’Alla!” R/.

Imm’int, Mulej, tarka madwari,

inti l-ġieħ tiegħi, int terfagħli rasi.

Jien b’leħen għoli l-Mulej insejjaħ;

hu jweġibni mill-għolja mqaddsa tiegħu. R/.

Immur nimtedd u norqod,

u nqum, għax il-Mulej iżommni.

Ma nibżax minn poplu sħiħ

li jinġema’ madwari kontrija. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 7, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah

Profeta kbir qam fostna,

u Alla żar il-poplu tiegħu.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Oħroġ, ja spirtu ħażin, minn dan il-bniedem!

Mk 5, 1-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu 1waslu x-xatt l-ieħor tal-baħar u ġew fil-pajjiż tal-Gerasin. Kif niżel mid-dgħajsa, resaq fuqu wieħed, li ħareġ mill-oqbra, li kien maħkum minn spirtu ħażin. Dan kien jgħammar fl-oqbra, u ħadd ma kien jista’ jżommu marbut, anqas b’katina, għax bosta drabi laħqu rabtuh bix-xkiel u bil-ktajjen u hu kien jaqsam il-ktajjen u jkisser ix-xkiel, u ħadd ma kellu l-ħila jżommu. Lejl u nhar kien il-ħin kollu joqgħod qalb l-oqbra jew fuq il-muntanji, jixher u jqatta’ ġismu biż-żrar.

Kif lemaħ lil Ġesù mill-bogħod ġera lejh, inxteħet fl-art quddiemu, u għajjat b’leħen qawwi u qallu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Aħlifli fuq Alla li ma taħqarnix!” Għax kien qallu: “Oħroġ, ja spirtu ħażin, minn dan il-bniedem!”. Imbagħad staqsieh: “X’jismek?” Wieġbu: “Leġjun jisimni għax aħna ħafna”. U beda jitolbu bil-ħerqa biex ma jkeċċihomx barra mill-pajjiż.

Mela kien hemm merħla kbira ta’ qżieqeż tirgħa mal-ġenb tal-għolja, u l-ispirti talbuh ħafna u qalulu: “Ibgħatna lejn il-qżieqeż ħa nidħlu fihom”. U ħalliehom imorru. L-ispirti ħżiena ħarġu, u daħlu fil-qżieqeż; u l-merħla, li kienet ta’ madwar elfejn ras, inxteħtet għal ġol-baħar mill-għoli tax-xaqliba u għerqet fil-baħar. Ir-rgħajja tagħhom ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet, u n-nies ġiet tara x’ġara. Ġew ħdejn Ġesù, u lil dak li qabel kien maħkum mix-xitan u li kellu l-leġjun ġo fih rawh bilqiegħda, liebes u moħħu f’sikktu, u baqgħu miblugħin bil-biża’. In-nies li raw il-ġrajja qalulhom x’kien għadda minn għala l-imxajtan u l-qżieqeż. Imbagħad bdew jitolbuh ħafna lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom.

Kif kien tiela’ fuq id-dgħajsa, dak li qabel kien maħkum mix-xitan beda jitolbu ħafna biex iħallih jibqa’ miegħu. Iżda hu ma ħalliehx, u qallu: “Mur inġabar id-dar ma’ niesek, u għidilhom kulma għamel miegħek il-Mulej, u kif ħenn għalik”. Dak telaq, u beda jxandar fid-Dekapoli kemm kien għamel miegħu Ġesù. U kulħadd stagħġeb.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu