Qari tal-14 ta’ Frar – San Ċirillu u San Metodju

Print Friendly, PDF & Email

14 ta’ FrarSan Ċirillu, raħeb, u San Metodju, isqof, Patruni tal-Ewropa – Festa

Qari I

Atti 13:46-69

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Pawlu u Barnaba qalu lil-Lhud: “Hekk kien jeħtieġ, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel; billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’ dejjem, aħna sa nduru għal fuq il-pagani.

Għax hekk ordnalna l-Mulej, ‘Jien għamiltek biex tkun dawl il-ġnus, biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art.’” Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jfaħħru l-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżulin għall-ħajja ta’ dejjem emmnu. Hekk il-kelma tal-Mulej kienet tinxtered mal-art kollha.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

116: 1.2

R/. Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba!

Faħħru l-Mulej, ġnus kollha,

sebbħuh, popli kollha. R/.

Għaliex qawwija hi l-grazzja tiegħu għalina,

il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem. R/.

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Lq 4: 18

R/. Hallelujah

Il-Mulej ikkonsagrani biex inwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin,

bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Lq 10: 1-9

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien: Il-Mulej qabbad tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien sejjer hu. U qalilhom: “Il-ħsad hu kbir, tassew, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela ’l sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup.

Teħdux magħkom, la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu ’l ħadd. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, ‘Sliem lil din id-dar.’ U jekk fiha jkun hemm bin is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġgħalkom lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru mingħand familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda tagħha, u lin-nies għidulhom, ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom.’”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.