Qari tat-Tlieta tas-Sitt Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sitt Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tlieta

Qari I

Alla mhu se jġarrab lil ħadd.

Ġak 1, 12-18

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

Hieni l-bniedem li jistabar fit-tiġrib, għax wara li jkun għeleb it-tiġrib, jaqla’ l-kuruna tal-ħajja li l-Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh. Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: “Alla qiegħed iġarrabni”, għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas mhu se jġarrab lil ħadd. Għax kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess. Imbagħad il-passjoni, meta tnissel, tiled id-dnub; u d-dnub, meta jilħaq il-milja tiegħu, iġib il-mewt.

La titqarrqux, aħwa għeżież tiegħi. Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn taddawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta’ tidwir. Għax ried hu, wilidna bil-kelma tal-verità, biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 93 (94), 12-13a.14-15.18-19

R/. (12a): Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej

Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej,

li tgħallmu l-liġi tiegħek,

biex isserrħu f’jiem l-għawġ. R/.

Għax il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu,

ma jħallix il-poplu, il-wirt tiegħu.

Għax il-ħaqq jerġa’ jsir bil-ġustizzja,

u fuqu jimxu dawk kollha ta’ qalb safja. R/.

Biżżejjed ngħid: “Qiegħed jiżloq riġli”,

biex tjubitek, Mulej, tweżinni.

Meta joktor l-hemm ġo qalbi,

il-faraġ tiegħek ihennili ruħi. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej

u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira ta’ Erodi.

Mk 8, 14-21

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, id-dixxipli nsew jieħdu l-ħobż, u ma kellhomx ħlief ħobża waħda magħhom fid-dgħajsa. Ġesù wissiehom u qalilhom: “Iftħu għajnejkom, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira ta’ Erodi!”. Huma bdew jgħidu bejniethom: “Dan għax m’għandniex ħobż”.

Ġesù induna u qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom li ma għandkomx ħobż? Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? X’ebusija ta’ ras għandkom? Għandkom għajnejn u ma tarawx, għandkom widnejn u ma tisimgħux? Ma tiftakrux meta qassamt il-ħames ħobżiet bejn il-ħamest elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu mimlija bil-bċejjeċ li kien fadal?”. Qalulu: “Tnax”. “Meta qassamt is-seba’ ħobżiet bejn l-erbat elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu bil-bċejjeċ li kien fadal?”. Qalulu: “Sebgħa”. “U għadkom ma fhimtux?” qalilhom.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu