Mistħija għall-Punent dwar l-Afganistan

Print Friendly, PDF & Email

“Mistħija għall-Punent”, jgħid il-Kardinal Hollerich dwar l-Afganistan

Il-Kardinal Jean-Claude Hollerich, arċisqof tal-Lussemburgu u president tal-Kummissjoni tal-Konferenzi Episkopali tal-Unjoni Ewropea (COMECE), qal li l-istampi li ħarġu mill-Afganistan matul il-ġimgħat li għaddew “weġġgħuli qalbi. Inħoss meta nara kif in-nies qed jiġu trattati”.

“Aħna tajna tama lil dawn in-nies u issa ħallejnihom fl-infern ta’ Dante”, huwa qal, u kompla jgħid: “Inħossni mistħi. Mistħija fuq l-Ewropa u l-Punent. Nitkellmu ħafna dwar il-valuri, imma fejn huma l-valuri tagħna fl-Afganistan issa?”

L-Afganistan kien taħt il-kontroll tat-Taliban sal-invażjoni tal-Istati Uniti fl-2001, wara li kważi 3,000 ruħ mietu fl-attakk terroristiku tal-11 ta’ Settembru fuq it-Twin Towers – ikkoordinata minn Osama bin Laden ta’ Al-Qaida, li rċieva l-protezzjoni mit-Taliban. Issa l-Afganistan reġa’ spiċċa lura f’idejn il-grupp Iżlamiku militanti wara li fil-15 t’Awwissu ħa f’idejh il-belt kapitali ta’ Kabul.

Il-pajjiż jinsab f’kaos, b’eluf ikkampjaw fl-ajruport ta’ Kabul bit-tama li jiġu evakwati waqt li t-Taliban jikkonsolida l-kontroll tal-pajjiż. Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden ħabbar l-irtirar komplet tat-ruppi tal-Istati Uniti fl-Afganistan sal-31 t’Awwissu, eżatt qabel l-20 sena anniversarju tal-attakk terroristiku tal-11 ta’ Settembru, fejn jintemm il-preżenza ta’ għexieren ta’ snin ta’ militar Amerikan fil-pajjiż.

Skond l-Kardinal Hollerich, il-Punent “mexa b’politika ħażina” fl-Afganistan. Illum, “l-unika ħaġa li qed niddiskutu hija x’għandna nagħmlu sabiex ma jkollniex numru kbir ta’ refuġjati mill-Afganistan, minflok ma jmorru għall-għajnuna ta’ dawn in-nies. U din l-attitudni hija tal-mistħija”.

Il-Kardinal esprima t-tħassib tiegħu dwar l-idea li jinbnew kampijiet tar-refuġjati fil-pajjiżi ġirien tal-Afganistan. “Aħna nafu li f’dawn il-pajjiżi hemm politika instabbli u li hemm Iżlamiżmu radikali”. Huwa semma l-eżempju tal-kampijiet tal-migranti fil-Libja u bnadi oħra fil-fruntieri mal-Unjoni Ewropea, fejn in-nies ħafna drabi jiġu trattati ħażin u sfruttati.

L-Arċisqof ta’ Lussemburgu qal, li l-Ġreċja reċentement lestiet estensjoni fuq il-ħajt tal-fruntiera tagħha mat-Turkija bħala mezz biex tiskoraġġixxi lir-refuġjati Afgani milli jidħlu, u li dan “iweġġagħni u jħamrilna wiċċna, għax nitkellmu tant dwar il-valuri Ewropej, imma ma npoġġuhomx fil-prattika”.

Huwa ddispjaċih ukoll li fil-politika Ewropea qed tintuża dak li hu jsejjaħ lingwa dejjem aktar anti-migranti. “M’għadx hemm diskorsi dwar refuġjati jew dawk li jfittxu ażil taħt il-ftehim ta’ Ġinevra. Issa jitkellmu dwar migranti illegali u dan huwa tal-biża’”.

Il-Kardinal qal li l-kriżi tal-Afganistan toffri lill-Istati tal-Unjoni Ewropea ċ-ċans li juru li jemmnu f’dawn il-valuri billi “jaċċettaw, jilqgħu u jippruvaw jintegraw n-nies”. Jew inkella, l-alternattiva l-oħra hiaj li tħallihom “waħedhom bil-biża’ tagħhom tal-mewt u l-umiljazzjoni”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://cruxnow.com/church-in-europe/2021/08/shame-on-the-west-top-european-prelate-says-on-afghanistan/

Kif ukoll fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-08/cardinal-hollerich-comece-eu-welcome-afghanistan-refugees.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.